Where your opinion counts

Fejn hu l-prinċipju tar-rule of law f’dan kollu?

Minn Edwin Vassallo

Irridu niffaċċjaw il-verita’, naħsbu u wara nitkellmu u jekk hemm bżonn nipprotestaw. Jekk xejn il-protesta tal-bieraħ wriet li f’pajjiżna r-rispett lejn il-verita’ ma għadux valur. Il-protesta tal-bieraħ uriet li r-rispett lejn dak li huwa sewwa qegħdin nitilfuh bil-minuta. Il-protesta tal-bieraħ uriet li hawn wisq rabja f’demmna, immexxija mill-mibgħeda u mhux mir-raġuni. Il-protesta tal-bieraħ kienet maħsuba biex tkompli ssaħħan lin-Nazzjonalisti kontra l-Laburisti. Din ir-rabja hija riflessjoni tal-mibgħeda li nżergħet u qed tkompli tinżera’. Issa mill-mibgħeda ser nimxu għall-ħdura bejnietna.

Il-ġurnalisti u l-ħbieb tagħhom għandhom wisq għatx għall-poter, imma ma għandhomx għatx għas-sewwa. Il-ġurnalisti u l-ħbieb tagħhom iridu l-poter mhux biex jagħmlu l-ġid, imma biex huma wkoll jaħilbu l-baqra li jisimha gvern. Min mhux jaħleb irid jara kif ser jaħleb u min kien jaħleb issa qed jitkellem baxx jew jibdel l-argumenti u jitkellem bil-maqlub ta’ dak li kien jgħid fl-imgħoddi, għaliex ma għadux jaħleb. L-aqwa li naħilbu. Dan kollu għall-fini ta’ dan l-argument ngħidlu li huwa mafja. Din il-klikka saret il-mafja li issa trid tieħu post il-mafia li hemm biex tibda taħleb il-baqra hi. Għalhekk, din ma kienetx protesta għall-valuri. Din ma kienetx protesta għar-rispett lejn il-ġid komuni u t-tisħiħ tad-dinjita’ umana. Din kienet protesta ffukata fuq il-prinċipju għat-tisħiħ tal-mibgħeda.

Għalhekk nemmen li rridu niġġieldu l-ħażin bit-tajjeb u mhux billi niddefendu lil min, b’għemilu jagħmel il-ħażen. Ma naqbel qatt li l-ħażin jkun miġġieled bil-ħażin. Jien nemmen li niġġieled l-inġustizzja bil- ġustizzja u mhux billi nikkrea aktar inġustizzja. Niġġieled il-korruzzjoni bl-onesta’ u mhux billi niddefendi min kien diżonest. Dan nemmnu għaliex jien nisrani fil-politika. Dak li qed naraw huwa biss egoiżmu. Dak li qed naraw huwa kif ikun leġittimizzat min qatt ma ried ikun parti minn raġunar loġiku demokratiku u minn f’ħajtu dejjem fittex li jkun rent-seeker.

Aktar milli nipprotestaw, bħala poplu għandna ħafna x’nitgħallmu minn din l-istorja ta’ dawn il-“leaks” li ġew ippubblikati. Bħala poplu għandna ħafna x’nistaqsu qabel ma naraw kif u fejn ser nitfgħu r-raġunar tagħna. Dawn huma ftit mistoqsijiet li rridu nagħmlu biex nifhmu jekk il-protesta tal-bieraħ kienetx leġittima jew le.

Dawn “il-leaks” minn fejn ħarġu?
Min hu responsabbli li jara li dan il-leakage ta’ informazzjoni, li kienet sa fejn naf jien f’dominju tal-qrati, ma sarx dominju pubbliku?
Min qed jonqos mis-serjeta’ f’għemilu?

Dawn il-leaks huma ġġustifikatti li jsiru pubbliċi?

Fuq kollox, b’dawn il-leaks sirna nafu affarijiet li ma konniex nafu ta’ natura pubblika?

Jekk “le” għaliex qegħdin narahom iġġustifikati?

Għandha tkun il-folla, kemm jekk ħamra jew blu, tgħid kif għandha ssir il-ġustizzja?

Għandha l-folla tibda tkun l-investigatur, l-imħallef u l-bojja?

Hija l-qorti jew il-folla li tgħid x’inhu sewwa?

U x’ser jiġri minn dik il-folla li la hija blue u lanqas ħamra u li tilfet kull fiduċja fil-politiċi tagħna?

Din il-protesta tal-bieraħ, lil din il-folla li la hija blu u lanqas ħamra kompliet tkabbarha jew tnaqqasha?

X’qiegħed ikun il-mottiv ta’ kull deċiżjoni li nieħdu dwar dan kollu? Hija r-rabja tagħna kontra l-ħażin jew r-rabja tagħna kontra dak li hu kontroversajli? Jew hija r-rabja tagħna kontra l-korruzzjoni fil-politika?

Aħna qed naqblu ma’ dak li għamel Mark Camilleri għaliex issa hekk jaqblilna bħala Nazzjonalisti jew għaliex issa dan sar punt ta’ prinċipju?

U jekk hija r-rabja u/jew il-mibgħeda lejn dak jew l-ieħor li qed tmexxi dan kollu, dan is-sentiment huwa ġust li nippermettuh li jkun il-mottiv u l-iskop ta’ kundanna jew l-approvazzjoni tagħna ta’ dawn il-leaks?.

Huwa politikament ġust li l-PN jagħmel l-argument politiku li qed jagħmel u juża nformazzjoni li ħarġet b’mod illegali għaliex kienet oriġinarjament taħt il-protezzjoni tal-qorti bħala punt ta’ argument politiku?

Huwa korrett li tiġġieled kontra l-korruzzjoni politika b’mod korrott?

Fejn hu r-rule of law f’dan kollu?

Jien nemmen li dan il-leak ta’ informazzjoni huwa preċedent ikrah u fir-realta’ huwa att kriminali.

5 thoughts on “Fejn hu l-prinċipju tar-rule of law f’dan kollu?

  1. Prosit Cisan. Qat ma bsart li ha tesprimi ruhek tajjieb daqs ekk. prosit min qalbi avolja ma niftakarx metta lahhar li qbilt miejk.

  2. Edwin ghandek elf mitt ragun tesprimi ruhek b’dal mod u hija hasra kbira li ahna gejna kmieni wisq ghax id-dinja tal-lum tasal ghal kollox ghajr dak li huwa etikament u moralment korrett u l’integrità m’ghadiek tghodd fil-politika fejn kif ghidt inti L’Aqwa li nahilbu u nithanzru meta ghandna ir-rih fil-poppa!

  3. Lil Edwin naraħ bħal dak li huwa jien, imma minflok Laburist, bniedem nazzjonalist ġenwinissu. Kont nisimgħu jitkellem meta kien fil-parlament kien jaħraqni mingħajr ma jirrabjani wawt li fl-istess ħin niggustaħ u nammiraħ. Politiċi bħalhekk irid il-parlament mela nies bħal Aquilina, Fenech Adami, Callus u daqshom donnu biex jimpresjonahom il-kap presenti Bernard Grech.
    Qrajt li kiteb dan l-aħħar fuq din is-saga ta’ Roseanne Cutajar. Nistqarr li qabbiżli d-dmugħ. Għatxan wisq biex nara lin-nazzjonalist jirrispetta ġenwinament lill-laburist. Mela jmur ixewwex folla biex tħaġġar u ssallab lil laburist.
    Prosit Edwin. J’Alla azzjontitek tajba tintrad lura f’ġid u paċi.

Leave a Reply to saviour stivala Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *