Pajjiż li ma għadux jagħmel tfal ma għandux futur
Minn Edwin Vassallo
Qegħdin nindunaw li f’pajjiżna l-familja Maltija llum ma taffordjax jkollha ulied. U fl-istess waqt aktar moħħna biex nitkellmu fuq l-abort milli kif ser ngħinu l-familja Maltija. Dak li huwa l-aktar ħaġa naturali li għalih ġie maħluq iż-żwieġ, jiġifieri li fi ħdanu jitwieldu t-tfal, qed ikun żnaturat minnu. F’Malta tagħna iż-żwieġ qiegħed jsir realta’ mill-aktar diffiċli u aktar diffiċli qed isir għall-kopja biex iġġib tfal fid-dinja. Dan huwa fatt. Id-diffikulta’ tinsab fil-fatt li qiegħed isir aktar diffiċli biex kopja jsir sid ta’ darha u l -kirjiet għoljin infern.
Ir-riżultat hu li pajjiżna hu bl-inqas rata ta’ fertilita’ fl-Ewropa. Dan kollu wara żmien inkissru l-valuri tal-familja, soċjalment, moralment u finanzjarjament.
Il-poplu tagħna jekk na joqghodx attent ser jispiċċa ma jistax jgħix bla barranin, filwaqt li l-barranin ser jieħdu post il-Maltin bħala l-Maltin il-ġodda. Dan il-proġett ġie ppreżentat bħala Malta kosmopolitana. Din kienet ħolma politika li fil-verita’ ma saħħitx il-valuri iżda kkreat aktar sitważżjonijiet ta’ prekarjat. Illum qed nikru kamra ġo dar. Ara kif kopja Maltija tibni familja f’dawn il-kundizzjonijiet.
Iżjed ma jgħaddi ż-żmien, iżjed pajjiżna qiegħed isir għoqda li diffiċli tinħall. Kull ma jmur, dak kollu li huwa finta qiegħed jaqa’ u jiġġarraf.
Il-mistoqsija tiġi waħidha. Mela dan il-bini kollu għal min qed jinbena? Jekk bħala pajjiż ser niċkienu fl-ispażji li għandna, fejn ser jimirħu l-Maltin? U jekk l-istudenti tagħna wara li jiggradwaw jagħżlu li jaħarbu minn pajjizna u jmuru jaħdmu f’pajjiż ieħor għaliex pajjiżna qiegħed isir unlivable, għal min hu dan il-bini kollu?
Il-Gvern inqabad skjav tat-taħwid tiegħu stess. L-oppożizzjoni bil-passat tagħha, għandha kriżi ta’ kredibilita’. Il-Knisja ma tinħass xejn. Il-merħla bla direzzjoni.
Dan huwa poplu f’vapur f’maltempata. Alla biss jista’ joħroġna ħajjin minnha.
Kull fejn tħares tara biss it-tifrik u bini ikrah li qiegħed iħalli warajh kaos soċjali riżultat ta’ loġika ta’ diżumanizzazzjoni ta’ xejn ma hu xejn. In-nies qed jispiċċaw joqgħodu f’ganninari tat-tiġieġ. Dan huwa poplu li ġie żgiwdat meta ħoloq alla tal-flus bħala ‘l alla tiegħu.
Pajjiżna qiegħed jgħix fi kriżi ta’ immoralita’ li ġiet aċċentwata’ mill-politiċi. Issa ġej il-maltemp u ġa qed jinkixfu l-kunsenturi soċjali fil-binja tas-soċjeta’. Huma fil-maltemp fejn l-aktar li jinħass in-nuqqas tal-valuri tal-familja u tal-ulied.
L-indifferenza lejn din ir-realta’ qed iżżommna għaddejjin, nippruvaw ma naħsbu xejn u tfaqqarna minn kull viżjoni għall-ġejjieni. Dak li qiegħed iżommna għaddejjin huwa l-kilba u r-rebgħa għall-flus u l-poter akkost ta’ kollox.
Le. Ma nistgħux nħarsu ‘l quddiem bla ma niftakru minn fejn tlaqna u min aħna.
Għadna problema bħala pajjiż u s-sentenza tal-qorti dwar l-isptarijiet hija biss sintomu, iżda l-problema hija ferm akbar.
L-għoli tal-ħajja, in-nuqqas ta’ sigurta’ fit-toroq tagħna, il-kollass fil-ġustizzja, ir-rebus fit-traffiku u l-infrastrutura li ma tiflaħx għal dan il-bini kollu żgur li mhux ser jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ tagħna biex jagħmlu t-tfal.
Naħsbu biss li kollox huwa gwerra bejn Nazzjonalisti u Laburisti, filwaqt li qed tikber l-isfiduċja fil-politika u fil-ġejjieni ta’ dan il- poplu. L-akbar sfiduċja ġejja mingħand iż-żgħażagħ.
F’dan il-kuntest, kull ma jkun diskuss fil-parlament iservi ta’ aljenazzjoni iżjed milli ta’ soluzzjoni.
Dan għadu biss il-bidu. Il-kbir għadu ġej.
Fasten your seat belts għażiż poplu Malti u Għawdxi.

Tesegerax! Qisa se tispicca d-dinja!!