Il-Ministru Fearne jieħu pożizzjoni differenti mill-Prim Ministru dwar l-isptarijiet: jgħid li ser jibqgħu tal-poplu

Minn osservatur politiku.

F’waħda mill-intervisti tal-Prim Ministru huwa qal li ser jistenna l-appell tal-kawża tal-VGH jgħaddi, imbagħad jara jekk ikunx hemm lok biex l-istess sptarijiet jingħaddu jew jingħataw lil barranin diversi b’konċessjoni oħra. Fil-fatt kien qal ukoll li kien lest li jistudja jekk jaqbilx tingħata konċessjoni waħda għat-tliet sptarijiet jew jekk tingħatax iktar minn konċessjoni waħda.

F’dawn l-aħħar siegħat fil-Parlament Malti, il-Viċi-Prim Ministru tkellem fuq il-ministeru tas-saħħa u għamel referenza għall-isptarijiet. Huwa qal li l-Gvern daħal b’saħħa u għamel hu kondizzjonijiet lil Steward, b’tali mod li ddikjara li l-isptarijiet mill-bieraħ ser jitmexxew mill-Gvern. Huwa deher ċert minn dak li qed jagħmel u allura nistgħu ngħidu li s-saga tal-isptarijiet f’idejn il-barranin issa ngħalqet darba għal dejjem.

Imma l-aktar ħaġa kurjuża li qal Dr Chris Fearne hija meta b’konvinzjoni qal li l-isptarijiet ser jibqgħu f’idejn il-Gvern Malti. Din hija xi ħaġa li kulħadd għandu jaqbel magħha. L-emfasi li għamel Fearne f’din id-dikjarazzjoni kienet tali li allura tmur kontra dak li qal il-Prim Ministru ftit tal-ġranet ilu. Il-poplu meta jisma’ dikjarazzjonijiet konfliġġenti bħal dawn jibda biex jitħasseb u jistaqsi, lil min ser nemmen, lill-Prim Ministru jew lill-Viċi tiegħu?

Hawnhekk għandna dikjarazzjoni kontra l-oħra mill-iktar żewġ persuni għolja fit-tmexxija tal-pajjiż. Issa min minnhom ser jirtira mid-dikjarazzjoni li għamel biex naslu għal deċiżjoni waħda, u allura aħna bħala poplu nkunu nafu eżattament x’qed jikkonsidra li jagħmel dan il-gvern dwar l-isptarijiet li issa qegħdin f’idejh? Ma jistax ikun li l-Prim Ministru u l-Viċi-Prim Ministru jagħtuna indikazzjonijiet diattrikament opposti minn xulxin. Hawn għandna s-saħħa tal-poplu fin-nofs u ma jistax ikun li jkollna d-dubji kif ser nimxu ‘l quddiem.

Tasal biex tgħid li dawn iż-żewġ persuni tant importanti fil-pajjiż qed jippikaw bejniethom. Għandek l-għola awtorita’ fil-pajjiż li ma humiex jaqblu u qed jibgħatu messaġġi li jħawdu l-imħuħ tal-poplu kollu Malti u Għawdxi. Barra minn hekk qed jintbagħat messaġġ lill-ħaddiema kollha li kienu jaqgħu taħt Steward li għal darba oħra ma jkunux ċerti x’ser jiġri minnhom. Kull ħaddiem jixtieq ikun ċert minn dak li jkun qed iħaddmu jew jagħtih il-paga fl-aħħar tax-xahar.

Minn hawn nawgura li d-deċiżjoni t-tajba, jew dik meħuda hija li l-isptarijiet jibqgħu għand il-poplu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *