Robert Abela għandu jara li ssir ġustizzja mal-familja ta’ Jean Paul Sofia

Minn Edwin Vassallo

Issa drajna li f’dan il-pajjiż il-politika ma għandhiex viżjoni fit-tul imma ħlief li taġixxi fuq l-opinjoni pubblika tal-mument u li jakkomoda lill-ispekulaturi u l-cowboys fil-qasam tal-kostruzzjoni. Ftit ilu, xi ħadd bil-kitba tiegħu faħħar lil Eddie Fenech Adami u lil Joseph Muscat bħala l-aqwa żewġt politiċi li mexxew il-politika tagħhom fuq dak li xtaqu n-nies.

Illum qiegħed isir dejjem aktar diffiċli tipprova tiġbor f’sentiment wieħed dak li jridu n-nies. Il-Prim Ministru Robert Abela dejjem kien tajjeb li jimxi fuq il-passi ta’ qablu u jiggverna, day by day politics jew kif jgħid il-Malti l-antik “bl-uddit”. Illum il-politici jinsabu taħt skrutinju qawwi mill-poplu f’pajjiż fejn kull ma jmur qiegħed isir ġungla bin-nies jgħaffġu fuq xulxin. Imma kemm hu veru li dan il-gvern qed imexxi politika ta’ xi jridu n-nies? Huwa aktar minnu li dan hu gvern Soċjalista li qed imexxi politika ta’ min għandu l-flus.

Minkejja kollox, bil-politika tal-gvern u x-xejn tal-Oppiżizzjoni, dan il-pajjiż qiegħed isir “jaqq” ġurnata b’ ġurnata, jew f’kelma bl-‘Ingliż” unlivable. Biex il-Prim Ministru joħroġ “clean” mill-matassa li daħal fiha b’sentenza tal-qorti dwar l-isptarijiet irid jara kif joħroġ nadif iżda biex jagħmel hekk irid jieħu f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż għaliex issa ħarab kollox minn idejh.

Abela irid jidħol f’kull biċċa negozju li fiha ħjiel ta’ ħmieġ u jwaqqaf kull biċċa negozju li qiegħed jagħmel il-gvern biex in-nies tibda temmen li hu xorta oħra minn ta’ qablu. Wara dik is-sentenza dwar il-kuntratt tal-isptarijiet, issa quddiem in-nies hemm ċertezza ta’ korruzzjoni, u għalhekk Abela jeħtieg jiġġieled x’hemm f’moħħ in-nies.

Illum qabel għada Abela jrid jara kif jippermetti li ssir l-inkjesta mitluba minn omm ż-żagħżugħ mingħajr intervent jew pressjoni politika, għaliex jekk ser jibqa’ jżomm lura, in-nies ser tibqa’ taħseb u temmen aktar li hu, Abela qiegħed jostor id-dell tal- ħtija ta’ xi ħadd qrib tiegħu. Illum jew għada, Abela ser jogħtor jerfa’ l-piż li mhux tieghu. Dak li Abela jrid jibża’ minnu mhux dak li huwa veru, iżda dak li qed jaħsbu u jemmnu n-nies. Infakkru li n-nies komuni qed jitolbu ħaqq f’dan il-każ.

Abela jrid jżomm f’moħħu li biex jitwemmen irid jara li l-ġustizzja ssir mal-familja ta’ Jean Paul Sofia u tidher li qed issir. Biex il-ġustizzja tidher li qed issir, irid jieħu deċiżjonijiet. Jekk le ħadd, ma hu ser jemmnu u ser jispiċċa biex iduru kontrieh dawk l-istess nies li llum qed jiddefendi d-dell maħmuġ tagħhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *