Iċ-ċirku normali ta’ gvern huwa ta’ għaxar snin
Minn osservatur politiku
Għaxar snin jidher li hu ċ-ċiklu normali ta’ kemm idum popolari partit fil-gvern. L-istorja turina li wara għaxar snin kull partit fit-tmexxija jibda jitlef jew jnaqqas in-numri fost il-poplu. Din kienet ukoll osservazzjoni li darba kien kiteb dwarha Lino Spiteri.
Niftakru tajjeb li l-gvern ta’ Borg Olivier kien għamel mill-1962 sal-1971, bejn wieħed u ieħor għaxar snin. Warajh kien ġie il-Gvern ta’ Mintoff li beda t-tmexxija tiegħu fl-1971 u wara għaxar snin tilef il-popolarita tiegħu. Fl-1981 l-Perit Mintoff kien tilef il-maġġoranza tal-voti imma xorta baqa’ jiggverna. Fl-1987 kellna l-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami li wkoll dam jirrenja sal-1996 li bejn wieħed u ieħor jagħmlu għaxar snin.
Dak li ġralu Alfred Sant kien l-eċċezzjoni għaliex hija xi ħaġa rari li jaqa’ l-Gvern bħal ma ġralu dak. Fl-1998 reġa’ ħa l-Gvern Eddie Fenech Adami u għalkemm għamel 14-il sena fil-Gvern xorta rajna li r-rebħa tat-2008 kienet imqansħa u allura wieħed jista’ jikkonkludi li dak il-Gvern baqa’ popolari għal 10 snin. Fl-2013 Joseph Muscat ħa l-Gvern f’idejh u għadna bil-Gvern Laburista sal-lum. Imma dak li ġara fl-2023, jiġifieri f’dan ix-xahar irridu nagħtuh l-importanza tiegħu.
Għalkemm jidher ċar li l-Gven Laburista ser ikun sfida dan iċ-ċiklu ta’ popolarita b’qawwa kbira għax jekk jagħmel sal-2027 ser ikun ilu 14-il sena fil-Gvern, xorta wieħed irid isemmi li skond l-istħarriġ ta’ Marzu l-popolarita tal-Gvern ta’ Robert Abela ħadet daqqa kbira. Mela wieħed jista’ jikkonkludi li l-popolarita ta’ Gvern f’pajjiżna għandha ċiklu ta’ 10 snin.
Dan ifisser li mill-Indipendenza ‘l hawn l-ebda partit ma żamm il-popolarita tiegħu iżjed minn għaxar snin. U jekk nemmnu dak li jgħid l-istħarriġ allura rridu nemmnu li l-Gvern ta’ Abela qed jibgħat sinjali ta’ għejja. Fil-fatt jekk nagħtu każ ta’ kemm l-istħarriġ uriena li hemm nies li ma jridux jivvutaw tibda’ tifhem u tirrejalizza li fil-Gvern tal-ġurnata dieħla ċertu sens ta’ diżilluzzjoni, qed tinxtamm il-ħakma ta’ arroganza. Hemm min qed jibgħat sinjal ta’ xeba’ u tibda’ tagħmel iktar ħoss it-talba għall-bidla.
Biss irridu ngħidu li stħarriġ wieħed mhux biżżejjed biex jindika dan kollu. Imma jekk is-sondaġġi li ġejjien jikkonfermaw dan it-tnaqqis fil-partit fil-gvern allura wieħed ikun jista’ jasal għall-konklużjoni li ċ-ċiklu tal-għaxar snin popolarita’ reġa’ ħadem anke f’din l-istanza. Fuq kollox, l-ewwel persuna li kien tratta kien Lino Spiteri. Jidher li qed jerġa’ jingħata raġun.
Jekk għall-kuntrarju dan ma jiġrix allura wieħed ikun jista’ jgħid li dak li ġara fl-istħarriġ ta’ Marzu kien indikazzjoni ċara li s-sentenza fuq l-isptarijiet kellha effett qawwi fuq il-poplu Malti u Għawdxi, imma mbagħad wara li ma baqgħetx fuq il-aġenda nazzjonali, il-gvern reġa’ rritornata għall-popolarita’ normali tiegħu.
Iż-żmien jagħtina raġun.
Iva iz-zmien jaghtina ragun Sur osservatur politicu. Unutli xtemen int u xjemen hadihor.