X’qalet sew is-sentenza tal-qorti: li l-kuntratti iffirmati jirriżulta kienu premeditati mill-firmatarji tal-istess kuntratt.
Minn osservatur politiku
Fid-diskors ta’ ‘l fuq minn siegħa li għamel il-Prim Ministru fil-Parlament il-Ħamis, meta kien hemm diskussjoni fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, qal li l-Gvern ma kellu ebda tort f’dak kollu li ġara. Biex jipprova jikkonvinċi lil kulħadd fuq dan il-punt huwa qal li fis-sentenza tal-Imħallef Depasquale ma tagħmel l-ebda referenza li l-Gvern kien responsabbli għal ftehim meqjuż bħala frawdolenti u korrott. Dan qalu għalkemm jaf li s-sentenza qalet li l-kuntratti ffirmati jirriżulta li kienu premeditati mill-firmatarji tal-istess kuntratti.
Imbagħad f’daqqa waħda dawwar l-attitudni tiegħu u għal siegħa sħiħa ta’ spjegazzjoni biex jiddefendi li Steward Health Care. Huwa għamel difiża u semma l-kontribuzzjonijiet li Steward għamlu fil-pajjijż. Robert Abela għamel lista sħiħa ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet fejn ta’ dettalji fuq is-servizzi mediċi essenzjali speċjalment fl-isptar ta’ Għawdex. Huwa semmielna lista ta’ proċeduri mediċi li twettqu. Semma ukoll servizzi bażiċi li jingħataw mill-isptar ta’ Għawdex. Qisu mhux kull sptar joffri dawn is-servizzi la jkun miftuħ għall-pubbliku.
Biss il-Prim Ministru ma semmiex u injora għal kollox il-fatt li l-pagi tal-impjegati kollha tal-isptarijiet tħallsu mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Lanqas semma, anzi injora għal kollox, in-nuqqas ta’ Steward li jwettqu dak li kienu obligati jagħmlu skond il-kuntratti li ffirmaw. Lanqas semma l-obbligazzjonjiet li kellhom Steward biex iwettqu investiment fis-servizzi mediċi fit-tliet sptarijiet li suppost kienu qed imexxu.
Il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu fil-Parlament ħalla togħma qarsa lil ħafna nies għax ma stennewx li ser jagħmel diskors twil jiddefendi lill-barranin ta’ Vitals/Steward. Jekk kellux l-intenzjoni li jagħmel dan ma nafux, imma li hu żgur hu li d-diskors tal-Prim Ministru kien iffukat u indirizzat biss biex jiddefendi lil Vitals/Steward. Huwa għadda ħafna kummenti biex jiskolpa u addirettura ifaħħar l-atteġjament ta’ dawn il-barranin li suppost taw lill-poplu Malti u Għawdxi sptar ġdid ġewwa Għawdex, sptar modern ġo St Luke’s u riabiltazzjoni kbira fl-isptar Karen Grech.
Deher ċar fid-diskors ta’ Dr Abela li flok għażel l-interess pubbliku, jiġifieri l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin, huwa għażel minflok l-interessi tiegħu, dawk tal-Partit Laburista u dawk tal-barranin frodisti li għamlu dawn is-snin kollha jsiru sinjuri minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.
Xi ħaġa oħra li tiskantak huwa l-fatt li Dr Robert Abela iddikjara li r-rebħa kbira li għamel Adrian Delia, li ġabet lura l-isptarijiet f’idejn il-Maltin, swiet biex telfet lill-Gvern u poġġiet lill-istess Gvern f’pożizzjoni li ma kellux iktar l-abilta’ li jkompli jinnegozja ma’ Steward Health Care.
