Corruption fatigue
Minn Edwin Vassallo
Dan il-poplu tagħna qiegħed ibati minn doża qawwija ta’ corruption fatigue. Xeba’ jisma’ stejjer ta’ korruzzjoni u din is-sentenza tal-qorti kompliet tikxef il-borom. Din hija r-raġuni li jien nemmen li aktar u aktar nies mhux jafdaw il-politika. Jekk mhux ser jkollna nies onesti li jfittxu li jagħmlu s-sewwa qabel ma jimpurtahom mill-flus, mhux ser jkollna istituzzjonjiet jaħdmu, inkluż il-parlament.
Dak li rajna fil-parlament huwa kas fejn l-imparzjalita’ qed tindifen ħajja ftit, ftit. Konxju li fil-ħajja tal-parlament rari kellna Speaker li ħa deċiżjoni kontra l-gvern, iżda f’ġieħ il-ġid komuni neħtieġu naraw x’futur irridu f’dan il-pajjiż u għall-parlament tagħna. Dak li n-nies raw iseħħ fil-parlament ma kien xejn imparzjali. Ftit li xejn rajna xeni bħal dawn fil-parlament Malti. Forsi anki f’dan il-każ, għandha sitwazzjoni ta’ fatigue.
Imma jekk wieħed jaħseb li l-parlament biss ma għadux imparzjali jew qed ibati minn xi fatigue qed jgħarralu. Dak li huwa żgur hu li qed nitilfu kull sens ta’ imparzjalita’ f’qosma oħra tal-ħajja. Il-flus u r-rebgħa għall-poter, akkost ta’ kollox, biex ikollna aktar flus, saru l-Alla tagħna bħala pajjiż. Pajjiżna jeħtieġ nies onesti. L-ebda riforma u l-ebda emendi fil-liġijiet ma huma biżżejjed biex ikollna l-istituzzjonjiet jaħdmu.
Il-festi li ser nagħmlu f’dan is-sajf li ġej huma kollha daħqa fil-wiċċ. Huma biss street parties bħal ma rajna jiġri bl-iskuża ta’ St. Patrick Day ftit tal-jiem ilu. Illum f’dan il-pajjiż kollox sar finta u qed insibu kull skuża biex nagħmlu aktar aljenazzjoni.
Il-ħuta minn rasha tintenn. L-imġieba tal-politici tagħna hija eżempju ta’ dan. Għalhekk jien ngħid li l-ebda liġi u regolamenti tal-bini ma huma ser jkunu suċċess jekk l-ewwel ma narawx kif nerġgħu ninvestu fl-onesta’. Kif jista’ jkun li n-nies ikunu ġusti jekk meta jħarsu lejn l-imġieba tal-politici tagħhom jaraw biss kilba għall-poter u għall-flus akkost ta’ kollox? Kif nistennew li naraw n-nies jippruvaw jagħmlu s-sewwa meta l-politiċi tagħna jagħmlu l-ħażin? Il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar, jgħid il-Malti.
Din mhux priedka tar-Randan jew tal-Milied jew xi paniġirku tal-festa skont meta jinqara dan l-artiklu. Taqbel jew ma taqbilx magħha, din hija l-verita’. Min jemmen li żmien il-valuri għadda, illum b’din l-għoqda ta’ immoralita’ u kaos soċjali li ninsabu fih, jista’ faċilment jikkontja kemm in-nuqqas ta’ rispett lejn il-valuri umani ġie jiswa’ fi flus. Dan għaliex il-valuri wkoll illum huma vittma tal-corruption fatigue.