Iż-żewġ unions fil-qasam tas-saħħa f’Malta laqgħu l-ferħ il-fatt li l-isptarijiet Maltin reġgħu ġew lura għand il-gvern
Minn Osservatur politiku
Is-saga tal-isptarijiet li ġew lura għand il-poplu Malti u Għawdxi kienet ta’ soljev qawwi għaż-żewġ unions prinċipali fis-settur tas-saħħa. It-tnejn esprimew li ħadu gost kif sviluppat din is-saga. Kienu kuntenti li s-sentenza rritornat lura l-isptarijiet f’idejn il-Gvern Malti.
Meta esprima l-opinjoni tiegħu Paul Pace tal-Malta Union of Midwives and Nurses qal li l-membri kollha tagħhom li kienu jaqgħu taħt din il-konċessjoni jħossuhom kuntenti li din is-saga waslet fit-tmiem tagħha u li ser jerġgħu lura bħala impjegati tal-Gvern. Il-ħaddiema hekk xtaqu għaliex kienu mdejjqa ħafna bis-sitwazzjoni tagħhom, dik li kienu jsibu lilhom infushom fin-nofs fil-battibekki bejn il-Gvern u Steward. Pace kompla jgħid li fejn tidħol is-saħħa il-PPPs (private-public-partnerships) ma jaħdmux u mhumiex l-idejali.

Biex isostni l-argument tiegħu Pace ġab l-eżempju ta’ meta kien hemm azzjoni industrijali f’Karin Grech li kienet tirrigwardja l-carers. Dak in-nhar kien hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-Gvern u Steward għax ħadd minnhom ma ried iħallas għal carers ġodda li l-isptar kellu bżonn.
Martin Balzan il-President tal-Medical Association of Malta, li jirrappreżenta lit-tobba, qal li s-sentenza għalih kienet aħbar tajba. Huwa kompla, li għalkemm it-tobba xorta baqgħu ħaddiema taċ-Chief Medical Officer u mhux Steward, xorta kienu kuntenti li ser jeħilsu minn Steward.
Balzan kompla li għalkemm kumpaniji privati suppost iġibu magħhom il-kapital fi flus, ir-realta’ turi li kull kumpanija trid tagħmel il-qligħ tagħha. Huwa qal li s-servizz tas-saħħa akuta u l-profitti ma jaħdmux id f’id. Huwa kompla jgħid li l-ikbar problema li kellhom dawn il-kuntratti, li kellha effett fuq l-impjegati u iktar u iktar fuq il-pazjenti, kienet li r-riżorsi ħadu daqqa l-isfel u f’dawn l-aħħar tmien snin ma kienx hemm finanzi għall-investiment fl-infrastruttura tal-isptarijiet. Fil-fatt Balzan kompla jgħid li s-sitwazzjoni llum qiegħda li fl-isptar Mater Dei hemm swali li ma humiex idonei biex jilqgħu mat-300 pazjent fihom.
Barra l-unions kellek ukoll lill-ħaddiema li jinsabu sodisfatti ħafna li Steward mhux ser jibqgħu jmexxu l-isptarijiet. Impjegati qalu li issa ser tiżdied it-tama li l-Gvern jinvesti kif suppost fl-isptarijiet għal ġid tal-pazjenti. Anke l-impjegati qalu li kienu ddejjqu jinqabdu fin-nofs fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-Gvern u Steward.
Impjegati oħra qalu li kienu qed iħossuhom demoralizzati għax l-affarijiet fl-isptarijiet kienu sejrin lura u ma kien qed jintgħamel xejn biex titwaqqaf din il-ħsara. Huma kkritikaw il-fatt li ma kienx qed isiru investimenti u allura kien hemm nuqqas ta’ servizzi. Issa jittamaw li l-Gvern isib il-flus biex jibda tassew jinvesti fit-tliet sptarijiet li kienu għand il-barranin.
Impjegati oħra qalu li bħala professjonisti huma jridu jagħtu l-aħjar possibbli lill-pazjenti imma sfortunatament f’dawn l-aħħar snin kienu neqsin mill-għodda neċessarja. Huma kienu jinsabu demoralizzati li jmorru jaħdmu f’ambjent mitluq u idejali għax-xogħol li jagħmlu.
Impjegat ieħor qal li ser jibda jħossu komdu li jaf ma’ min qed jaħdem mil-lum ‘l quddiem. Huwa kompla li għal snin sħaħ kienu qed jiġu mgħarrfa li huma kienu impjegati ta’ Steward Health Care imma ċ-ċekk tal-paga xorta kien qed joħroġ minn għand il-Gvern. Kompla jemfasizza li saħansitra kellhom indirizz tal-email tal-Gvern u allura kienu jħossuhom konfużi. Issa moħħhom mistrieħ għax din l-istorja waslet fi tmiemha.