Wara dak li ġara lbieraħ fil-parlament u barra, il-maġġoranza tan-nies li mhux ser jivvutaw ser tikber u mhux tonqos
Minn Edwin Vassallo
Jekk mhux veru li l-qorti qatt ma qalet lill-Gvern li kellu aġir frawdulenti, mela wieħed jistaqsi min iffroda lil min? Mela min kellu jara li ma jkunx hemm frodi u ħalla kollox għaddej? U min kellu jara li ma hemmx frodi, inkluż fuq livell ta’ ċivil? Mela finalment min hu responsabbli li kellu jara li ma jkunx hemm frodi kemm fuq livell politiku u fuq livell ta’ amministrazzjoni ta’ gvern? Mela min kellu jieħu d-deċiżjonijiet fl-interess tal-poplu, tal-ġid komuni u ma ħadhomx? Mela finalment min iffirma dan il-kuntratt frawdolenti u fl-interess ta’ min iffirmah? Min kellu jivverifika li dan il-kuntratt mhux frawdolenti?
Dawn huma l-mistoqsijiet kollha li ħafna Maltin u Għawdxin għadhom jistaqsu wara li semgħu d-diskorsi tal-bieraħ fil-Parlament. Ma’ dawn id-domandi, hemm mistoqsija oħra importanti li jeħtieġ li l-poplu jistaqsi: għaliex ser nibqgħu niġġustifikaw il-ħażin li jsir illum bl-iskuza tal-ħażin li sar ilbieraħ?
Fi kliem ieħor smajna, il-Prim Ministru jitkellem dwar il-mismanagement fil-bini ta’ Mater Dei u dwar il waiver li ngħatat Skanska. Imma dan il-gvern tela’ biex dan it-tip ta’ ħażin ma jibqax isir. Mela għaliex kompla jsir? Jekk dan kollu kien ħażin, jekk dan kollu kien żball li spiċċa ħallas għalih il-poplu Malti u Għawdxi, allura żgur li hawn min qed jistaqsi għaliex il-ħażin magħruf li sar taħt il-PN fil-gvern għadu jsir. Anzi donnu dan il-ħażin qed jawtorizza lil dan il-gvern tal-Labour biex jagħmlu wkoll. Imma din id-darba hemm xi ħaġa li ma kienetx qabel. Dan il-ħażin mhux biss inkixef imma ġie ukoll ikkonfermat mill-qorti li qiegħed hemm.
Hawn mhux qiegħed nitkellem f’isem il-Laburisti jew in-Nazzjonalisti li akkost ta’ kollox jemmnu li għandu dejjem raġun il-partit tagħhom u għandu tort il-partit oppost. Dawn it-talin kollha jemmnu li tagħhom huwa dejjem tajjeb u ħadd ħliefhom ma għandu ragun. Mhux qed nitkellem għal dawn il-Laburisti u Nazzjonalisti iffissati li jemmnu hekk. Imma hawn qed nitkellem għall-100,000 votant li tilfu l-fiduċja tagħhom fil-politika. Jien f’isem dawn qiegħed nitkellem. Minkejja dawn l-iffissati, in-numru ta’ dawn il-votanti qiegħed dejjem jikber.
Jien nemmen li wara dak kollu li raw iseħħ ilbieraħ fil-parlament u barra, dan in-numru ta’ persuni ser jkompli jikber. Għaliex il-mistoqsijiet l-aktar importanti ħadd ma qiegħed iwieġibhom. Żgur wara li kuntratt bħal dan frawdolenti ma hemmx persuna waħda biss involuta. Dawn in-nies qed jistaqsu min huma dawn il-persuni involuti – kemm politiċi u mhux, li wasslu lil dan il-pajjiż f’dawn l-abbissi.
Finalment, qegħdin naraw pajjiż li mhux jiffunzjona. Qed naraw istituzzjonijiet li bi dmir għandhom iħarsu d-demokrazija u mhux qed jaħdmu. F’dan il-pajjiż, l-imparzjalita’ marret il-baħar. Issa jmiss lid-demokrazija biex tibda tittappan. Dan il-pajjiż kull ma jmur qiegħed jispiċċa jinqabad fl-għoqda tal- indifferenza li ma tinħall qatt. Pajiiżna jeħtieġ nies onesti biex nimxu pass ‘il quddiem.
Cisan min umma daqn in-nies onesti?