Dikjarazzjonijiet konflinġenti minn Steward Health Care u mill-Gvern

Minn osservatur politiku

Dikjarazzjonijiet li ħerġin fil-pubbliku juru li hemm il-gideb. Il-Ministru tas-Saħħa kien irrappurtat li qal li Steward Health Care mistennija jitilqu minn Malta u Għawdex din il-ġimgħa stess. Fil-fatt kien qed jgħid is-sewwa għaliex verament Steward Health Care telqu minn Malta, anki jekk għall-ewwel din kienet ġiet miċħuda minn Steward Health Care stess. Infakkar li Steward Helath Care kienu ħarġu stqarrija biex jirribattu dak li qal Chris Fearne. Huma qalu li jinsabu diżappuntati b’dak li qal il-Ministru tas-Saħħa. Huma ikkonfermaw li mhux ser jabbadunaw l-isptarijiet. Issa nafu li Steward Health Care ma kienux qed jgħidu s-sewwa.

Imbagħad kellna ż-żewġ verżjonijiet ta’ fatti mill-Prim Ministru. L-ewwel qal li ser ifittex lil Steward Health Care għall-flus u mbagħad fil-Parlament għamel eloġju ta’ kemm taw xogħol Steward Health Care. Liema verżjoni ser titwemmen mit-tnejn li qal il-Prim Ministru?

Imbagħad għandna stqarrija oħra minn Steward Health Care. Steward qalu li l-attitudni tal-Gvern turi inaffidabbilita’ u li dan il-Gvern mhux sieħeb idoneu għall-kumpaniji barranin li qed jikkonsidraw jiġu jinvestu f’pajjiżna. Steward qed takkuża lill-Gvern Malti li ma onorax il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u Steward Health Care.

Il-Gvern iddikjara li huwa qiegħed f’pożizzjoni li jopera l-isptarijiet b’mod immedjat u jserraħ ras l-impjegati kollha li x-xogħol tagħhom huwa garantit. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru uża lill-parlament biex jgħid kemm ħadmu Steward.

Mela jidher li din il-konċessjoni ġiet iffirmata taħt xamma qawwija ta’ frodi u fil-fatt tant kien hemm ħmieġ li spiċċat il-konċessjoni mitmuma mill-qrati u fl-aħħar il-Prim Ministru kellu jsib mezz kif jiddefendiha. Issa għax il-konċessjoni waqgħet u l-isptarijiet reġgħu għand il-poplu Malti, qed niġu mitmugħa stqarrijiet differenti li qed ikomplu juru d-disgwid li kien hemm tul din il-konċessjoni. Ma jistax ikun li jibqa’ jsaltan dan l-inkwiet meta bil-fors irridu naraw l-isptarijiet jerġgħu jgħaddu f’idejn il-Maltin la Steward qalu li ser jirtiraw.

Il-Ministru tas-Saħħa għandu joqgħod attent u jara li l-pazjenti kollha u dawk kollha li ser jiġu bżonn l-isptar f’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ma jidħlux fl-isptarijiet mhumiex ċerti minn servizz tajjeb u professjonali minħabba disgwid fit-tmexxija tal-isptarijiet. L-isptarijiet huma postijiet delikati li għandhom bżonn imħuħ ċari li jagħtu servizzi mediċi tal-għola kwalita’.

One thought on “Dikjarazzjonijiet konflinġenti minn Steward Health Care u mill-Gvern

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *