Adrian Delia jieħu b’idejn Robert Aquilina waqt vġili biex titfakkar Daphne Caruana Galizia
Minn osservatur politiku
Adrian Delia reġa’ ta xhieda ta’ umiltà meta wara l-protesta quddiem il-Parlament ilbieraħ mexa ma’ Bernard Grech sal-monument tal-Assedju l-Kbir u pparteċipa f’veglia oħra li ta’ Repubblika jagħmlu kull xahar biex ifakkru l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Seta faċilment irrifjuta li jmur wara li kienu dawn in-nies li ħadmu biex tajruh minn kap. Seta’ fakkarhom meta bħala kap mar ipoġġi l-fjuri u oħt Daphne għamlet għalih. Seta qallhom li kissrulu familtu bl-akkużi li għamlu u li dwarhom ma rrizulta xejn.
Iżda minflok wera unità kbira u ħa b’idejn Robert Aquilina. Wara din il-manifestazzjoni issa m’hemmx skużi. Nistennew li ħadd minn ta’ Repubblika ma jibqa’ jattakka lill-faxxa ta’ dawk leali lejn Delia għax issa suppost fehmu li mingħajrhom ma jistax jitneħħa l-Labour mill-Gvern.
Imma l-familja ta DCG?
Ftit ġranet ilu, Michael Briguglio għamel blogpost eċċezzjonali u din ġiet ikkwotata kollha b’tifħir xieraq f’dan l-istess sit.
Michael Briguglio qal li “l-loġika tan-numri turina b’mod ċar li, ngħidu x’ngħidu, l-uniku forza li tista’ tneħħi l-Partit Laburista mill-Gvern huwa l-Partit Nazzjonalista,” u li dan jista’ jsir biss b’rebħa f’elezzjoni ġenerali.
Kompla jgħid: “L-istorja politika ta’ pajjiżna turina li bosta kampanji u elezzjonijiet intrebħu meta kien hemm koalizzjonijiet wesgħin,” anki b’involviment ta’ partit politiku.
Michael Briguglio spjega li biex koalizzjoni bħal din tinħoloq, “tinħtieġ ħidma flimkien kemm internament, kif ukoll ma’ forzi politiċi u soċjali oħra, li, sadanittant, iridu jkunu lesti li jpoġġu fil-ġenb preġudizzji, antipatiji u affiljazzjonijiet sabiex tinħoloq forza rebbieħa ġdida. Huma l-koalizzjonijiet wiesgħa li joħolqu Gvern, u mhux interessi jew affiljazzjonijiet dojoq.”
Dawk kollha li jidhru fir-ritratt hawn fuq fehmu dan u qed iġibu rwieħhom bi rġulija. Prosit. Flimkien tistgħu tagħtu tama ġdida lill-pajjiż biex jeħles mill-kriminalità, mill-frodi, mis-serq u mit-tixħim fil-gvern.