Għaliex hemm ħeġġa kemm minn Robert Abela u Joseph Muscat li l-Vitals/Steward jappellaw minn din is-sentenza kontra tagħhom?
Minn osservatur politiku
Il-Prim Ministru Robert Abela u l-prediċessur tiegħu Joseph Muscat donnhom għandhom ħeġġa u xewqa partikulari biex Vitals/Steward jappellaw mis-sentenza li rebaħ Adrian Delia. It-tnejn li huma tkellmu fuq hekk daqs li kieku huma ċerti li dawn il-barranin ser jappellaw.
Min jaf għaliex hux? Il-Prim Ministru Robert Abela ilu jgħid li mhux ser jieħu ebda deċiżżjoni, ma hu ser jagħmel xejn qabel jgħaddi ż-żmien li fih jista’ jsir appell. Hu qed jistenna lil Vitals/Steward jappellaw għax hu ddikjara diġa’ li bħala Gvern mhux ser jappellaw minn din is-sentenza. Joseph Muscat tkellem fuq din l-istess linja meta kien qed jiġi intervistat hu u ħiereġ mill-qorti meta attenda seduta għal-libell li huwa għamel kontra Christian Grima.

Bil-fors ikollok taħseb li dawn it-tnejn min-nies għandhom kuntatt tajjeb mal-barranin. Bil-fors ikollok tikkonkludi li kemm Abela kif ukoll Muscat tkellmu mar-rappreżentanti ta’ Vitals/Steward u saru jafu li dawn tal-aħħar qed jippreparaw l-appell għal dik is-sentenza famuża.
Imma għalfejn qishom għandhom din ix-xewqa li l-barranin jappellaw mis-sentenza? Jista’ jkun li qed jaħsbu li fl-appell is-sentenza ma tkunx aktar iebsa minn dik li saret. Qed jaħsbu żgur li la ser ikun hemm appell, ser ikollhom ħafna aktar ċans biex jaħsbu t-triq ‘l quddiem. Ser ikollhom iktar ċans għal diskussjonijiet mal-barranin kif jistgħu jsolvu l-problemi li din is-sentenza ġabet magħha.
Imma irridu niftakru li kemm Joseph Muscat kif ukoll Robert Abela suppost għandhom għal qalbhom il-ġid tal-poplu għax kien l-elettorat li tahom il-poter biex jirrapreżentah. Kienu n-nies li għażluhom biex imexxu l-pajjiż. Imma l-istess votanti jixtiequ jaraw lil mexxejja tagħhom jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Żgur li l-maġġoranza tal-poplu jixtieq jara din il-kawża magħluqa kemm jista’ jkun malajr.
Minn dak li qrajna fil-medja kollha fil-pajjiż, irrealizzajna li hemm moviment qawwi favur li l-isptarijiet jerġgħu jiġi f’idejn il-Maltin u l-Għawdxin. Kien hemm tbissima fuq il-maġġoranza tan-nies li ħassewhom kuntenti li din is-serqa tal-Vitals/Steward ser tiġi fit-tmiem tagħha.
Imma min dak li qed nisimgħu mill-Prim Ministru u l-eks-Prim Ministru jidher li ser ikun hemm l-appell u din il-kawża allura ser tieħu xhur oħra biex tiġi fit-tmiem tagħha kif mixtieq mill-poplu Malti u Għawdxi. Sadanittant, il-gvern ikollu ġustifikazzjoni biex jibqa’ jħallas il-kirja lil Steward!