Where your opinion counts

Residenti minn San Ġwann rikonoxxenti lejn il-Kunsill Lokali u l-Ministru Owen Bonnici li fehmu it-talba tagħhom biex ikunu salvati siġar tal-Ficus.

Ftit tal-ġranet ilu, dan is-sit kien wassal l-ilment tar-residenti ta’ San Ġwann biex siġrejn tal-Ficus, li hemm fi Ġnien Ġorg Żarb, ma jinqerdux.

Minn mistoqsija parlamentari (kopja mehmuza) li rrisponda l-Ministru Owen Bonnici qal li kien infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li dawn iż-żewġ siġriet mhux ser jinqerdu, imma issa ser jiġu nkorporati fil-proġett ta’ tisbiħ ta’ Ġnien Ġorġ Żarb.

Nies li għamlu kuntatt ma’ dan is-sit qalu li residenti mhux biss huma kuntenti li l-Kunsill Lokali qed jagħmel dan il-progett ta’ tisbiħ, imma issa iktar kuntenti li l-istess Kunsill Lokali semà l-karba tagħhom u mhux ser jeqred dawn is-siġar. Fuq kollox, huma rringrazzjaw lill-Ministru Owen Bonnici li ta’ każ it-talba tagħhom.

Dan hu l-mod ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet. Fejn jista’, għandu jirbaħ is-sens komun u nsalvaw is-siġar li f’pajjiżna huma skarsi. Is-siġar huma l-pulmun ta’ dan il-pajjiż, aktar u aktar f’dawk il-lokalitajiet bħal San Ġwann, li fihom jinsabu ħafna emissjonijiet maħluqa mit-traffiku. Anki jekk irid jingħad ukoll li llum l-emissjonijiet prattikament jinsabu mal-pajjiż kollu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *