Joseph Muscat jgħid li l-poplu huwa l-vittma u li kien il-gvern li ġie ffrodat mill-Vitals u Steward Health Care
Minn osservatur politiku
L-eks-Prim Ministru Joseph Muscat ma jħossx li għandu jagħmel xi tip ta’ apoloġija għal dak li sar f’din is-saga kerha li kellha l-bidu tagħha meta hu kien il-Prim Ministru ta’ Malta. Hawn qed nirreferi għall-kuntratt mal-Vitals. Dan ħareġ ilbieraħ meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti wara li ħareġ mill-qorti fejn kien minħabba l-kawża li fetaħ kontra l-avukat Christian Grima. Ara l-video.
Meta tkellem fuq is-sentenza li ta l-Imħallef Francesco Depasquale tal-24 ta’ Frar, Muscat qal li minn dak li qara fehem li l-Gvern Malti huwa l-vittma ta’ frodi u mhux li l-Gvern kien b’xi mod imċappas fil-frodi hu. Imma wieħed irid jgħid li l-Qorti wkoll qalet li kien hemm intenzjonijiet ħżiena u dawn kienu evidenti kemm qabel ġiet iffirmata l-konċessjoni oriġinali, waqt il-kuntratt kif ukoll meta Vitals għaddew l-istess konċessjoni lil Steward. Imma Muscat qal lill-ġurnalisti li dawn l-intenzjonijiet ħżiena kienu min-naħa tal-Vitals u Steward Healthcare.
Muscat reġa saħaq li l-Kabinett tiegħu kien dejjem inżamm infurmat fuq dak kollu li kien qed jiġri fuq din il-konċessjoni. Reġa’ rrepeta li l-Kabinett kien jaf ukoll bis-side letter li Konrad Mizzi kien iffirma ma’ Steward dwar il-100 miljun jekk il-kuntratt jiġi annullat.
Imma Muscat ma riedx jagħmel ebda apoloġija anki jekk qal li jieħu r-risponsabbilita’ politika ta’ dak li sar. Infatti, b’mod trankwill, hu qal aktar minn darba li hu jerfa’ r-responsabilita’ politika ta’ din id-deċiżjoni. Huwa qal li kien ħa dik id-deċiżjoni għaliex kienet saret fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
Imma billi jerfa’ r-responsabilita’ politika, x’ser jieħu l-poplu Malti u Għawdxi? X’konsolazzjoni għandu l-poplu meta jisma’ lil eks-Prim Ministru jgħid li jkun hemm proġetti li jiġu implimentati kollha u tajjeb, proġetti oħrajn li jaqgħu u ma jsirux u oħrajn li jispiċċaw mhux implimentati kif maħsub kif kien dan il-proġett frawdolenti? Fuq kollox, min huma dawn in-nies li mplimentaw dan il-proġett u għala ħadd ma jsemmihom? S’issa ħlief politiċi ma smajniex. Għaliex dawn il-persuni ħadd ma jrid jitkellem dwarhom? Anki l-oppożizzjoni b’ħalqha magħluq dwarhom? Dawn għadhom jgħaqdu fil-kurituri tal-poter. Dawn in-nies għadhom jagħmlu l-ħajja ta’ dawk il-ħaddiema taċ-ċivil li jridu jaħdmu b’mod onest, infern!
Joseph Muscat għadu mhux kuntent bl-informazzjoni li ħarġet fuq dan il-proġett. Għadu jistenna li toħroġ il-verita’ kollha u tant hu ċert li ser isir l-appell, li qal li jistenna li waqt l-appell joħorġu aktar affarijiet. Imma Muscat irid jibda’ jitkellem ukoll fuq dawk kollha involuti, inkluż dawk li ma humiex fil-politika imma għadhom fil-kuruturi tal-poter jagħmlu ħsara lill-pajjiż u fuq kollox ser ikunu qed jagħmlu l-ħsara lil dan il-gvern preżenti.
Ok Mr! So what is the next step????? Cicci beqqi????