Għaliex il-PN u l-għaqdiet li hemm madwaru ma humiex qed jikkritikaw l-iżvilupp ġewwa l-Mellieħa?
Minn Edwin Vassallo
Meta tara x’inkiteb mix-Shift News fuq kif ingħatat dik il-biċċa art miftuħa fil-Mellieħa u l-iżvilupp li ser isir fiha, wieħed jistaqsi għala l-PN ma qal kważi xejn fuq din l-ispekulazzjoni kollha? Għala għaqdiet li jriduha tal-paladini tal-ħaqq u s-sewwa, u huma qrib il-PN, baqgħu b’ħalqhom magħluq? Għala ma ddikkjarawx gwerra fuq din il-biċċa spekulazzjoni?

Kemm infakkar li din il-biċċa art ġiet smata li tiswa fis-suq miftuħ ‘il fuq minn 25 miljuni ewro. Ħarġet għall-offerti mill-Awtorita’ tal-Artijiet. L-ogħla offerta hija ta’ 380,0000 fi ħlas ta’ ċens fis-sena. Il-ħbieb tal-ministru Silvio Schembri offrew kważi daqs kemm kienet l-istima tal-Awtorita’ tal-Artijiet jiġifieri l-offerta tagħhom kienet ta’ 279,700 euro. Issa biex jieħduha, il-ħbieb ta’ Silvio Schembri ser ikollhom jgħolluha għall-akbar offerta jiġifieri għall-380,000 euro fis-sena.
Mela meta tqis li din ingħatat b’ċens għall-15-il sena, u ċens jinfeda daqs kemm hu għall-għoxrin darba, din il-biċċa art ġiet tiswa daqs l-għola offerta għall-35 darba, jiġifieri għas-somma ta’ tlettax-il miljun u tliet mitt elf euro. Nofs il-prezz li tiswa fis-suq. Mela dawn mhux biss ser ikunu qed jixtruha nofs il-veru prezz tagħha, imma l-anqas ser ikunu qed iħallsu dik is-somma għalija. Anzi ser ser jiffrankaw 25 miljun li kieku kellhom jixtruha biex jiżviluppaw. Mela dawn ser jibnuha b’inqas flus. Kull ma għandhom bżonn hija is-somma tal-bini tagħha. Il-fidi taċ-ċens tagħha ser jintefa’ fuq min jixtri l-propjeta’, minbarra li s-sidien jistgħu jagħmlu xi tip ta’ subċens biex ikomplu jħaxxnu l-profitti tagħhom.
X’ħin tara l-lista tal-ismijiet tal-kuntraturi u żviluppaturi, wieħed jinduna għaliex il-kritika tal-Partit Nazzjonalista f’isem in-nies kienet mill-inqas u magħluqha għad-diskorsi fil-parlament. U hawn wieħed jistaqsi. Għala l-Partit Nazzjonalista baqa’ kważi b’ħalqu magħluq? Forsi biex ma joffendix dawk l-għaqdiet li qed jerdgħu minn fuqu u jilgħabuha tal-paladini tal-ħaqq u sewwa? Magħhom wieħed jista’ jżid ukoll l-għaqdiet tal-ambjent li fuq din l-ispekulazzjoni ma organizzawx l-ebda protesta.
Fil-films tal-mafia qatt ma rajt familja mafjuża tiġġieled kontra familja oħra mafjuża f’isem il-ġustizzja. Il-familja mafjuża toqtol familja mafjuża oħra biex tieħodlha n-negozju tagħha. Tgħid il-partit politiċi qed jagħmlu l-istess bħal ma’ jiġri f’dawn l-istejjer tal-films tal-mafja li naraw fuq it-TV? Fi kliem ieħor, il-partiti politici tagħna qed jiġġieldu kontra xulxin imma imbagħad fejn jidħlu l-interessi ta’ ċerti businessmen, dawn jibqgħu b’ħalqhom magħluq. Fuq ċertu businessmen, il-partiti politiċi tagħna ma jiġġieldux bejniethom, anki jekk iħalluhom jagħtu kontra xulxin ħalli mbagħad wieħed jirbaħ fuq l-ieħor. Imma huma jkunu ħaslu idejhom bħal Pilatu.
Jekk dan huwa l-każ, dan ifisser li aħna, f’dan il-pajjiż, qed ngħixu din ir-realta’ li naraw fl-istejjer tal-mafja fuq TV. Fi kliem ieħor, dawk l-għaqdiet favur il-ħaqq li jgħidu li huma kontra il-mafia, meta jkun hemm il-veru interessi tal-mafja jibqgħu b’ħalqhom magħluq ħalli ma jitilfux il-ħbiberija mal-mafja. L-istess jista’ jingħad għall-għaqdiet ħbieb tal-ambjent. Jekk dan hu minnu, aħna ddestinati biex nibqgħu maħkuma minn xi waħda jew oħra minn dawn il-familji mafjużi. Għaliex il-partiti politiċi, inkluż il-Partit Nazzjonalista mhux qed jiġġieled l-interessi ta’ din il-mafja ġewwa pajjiżna? Għaliex meta jidħlu l-interessi ta’ ċertu businessmen, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ b’ħalqu magħluq? Għaliex fuq l-art ġewwa l-Mellieħa, il-Partit Nazzjonalista ma hu qed jorganizza l-ebda protesta?
Fejn huma l-gladjaturi tad-demokrazija f’dan il-każ? Għaliex dawn illum b’ħalqhom magħluq? Jaqaw dawn qegħdin taħt il-protezzjoni ta’ xi waħda minn dawn il-familji li qed jispekulaw fuq din l-art? Imkien dawk li jemmnu fis-sewwa ma tkellmu fuq dan ix-xiri bir-ragħbas ta’ din art li xi darba kienet tal-poplu kollu. Għaliex? Jaqaw quddiem l-artal ta’ dawn il-familja, tar-rule of law jibqgħu b’ħalqhom magħluq? Tal-mistħija.
Sewwa ngħid u sewwa ktibt kemm-il darba; din hija soċjeta’ fejn ġibna kollox xejn ma hu xejn. Dan huwa l-qofol tal-liberaliżmu. Fi kliem ieħor, tkun baħnan jekk ma tisraqx!