Riflessjonijiet mis-soċjologu u akkademiku Michael Briguglio dwar kif il-PN jista’ jimxi ‘l quddiem wara s-survey tal-Malta Today

Dan li ġej huwa dak li kiteb is-soċjoloġu u akkademiku Michael Briguglio dwar is-survey politiku tal-bieraħ tal-Malta Today. Fih, Briguglio jagħti pariri lill-Oppożizzjoni ta’ kif tista’ timxi ‘l quddiem. Hu kliem ta’ min jirrifletti fuqu fil-Partit Nazzjonalista:

Il-survey politiku tal-Malta Today li ġie ppublikat dalgħodu juri li l-proġett Laburista, li ilu rebbieħ mill-2009, qala daqqa’ kemmxejn sinjifikanti fil-popolarita’, minkejja li għadu minn fuq. Tajjeb naraw jekk il-PL huwiex kapaċi joħloq opportunita’ f’din il-kriżi, bħal m’għamel kemm il-darba fis-snin riċenti waqt kontroversji oħra.

Tajjeb naraw ukoll jekk il-Partit Nazzjonalista, frisk minn protesta nazzjonali nhar il-Ħadd li għadda, huwiex ser ikun kapaċi joħloq mewġa politika, wara snin ta’ kriżi interna u t-tneħħija inġusta u żlejali ta’ Adrian Delia minn Kap fl-2020, f’nofs leġislatura.

Ħames snin wara li fetaħ il-kawża ta’ l-isptarijiet, u issa li ġie vindikat mill-Qorti, nistgħu nikkonfermaw kemm kellu raġun Adrian Delia, minkejja li kemm hu, kif ukoll dawk li appoġġjawh kienu sfaw vittmi ta’ attakki politiċi xejn sbieħ minn direzzjonijiet differenti. Forsi llum hemm ħjiel ta’ indiema.

Id-demokrazija ta’ pajjiżna hi waħda dinamika, u dan jgħodd ukoll għal politika tal-movimenti soċjali u s-soċjeta’ ċivili. Iżda, il-loġika tan-numri turina b’mod ċar li, ngħidu x’ngħidu, l-uniku forza li tista’ tneħħi l-Partit Laburista mill-Gvern huwa l-Partit Nazzjonalista, u li l-iktar rebħa sinjifikanti fis-soċjeta’ Maltija hi dik ta’ l-elezzjoni nazzjonali.

L-istorja politika ta’ pajjiżna turina li bosta kampanji u elezzjonijiet intrebħu meta kien hemm koalizzjonijiet wiesgħin, mhux l-inqas b’involviment partiġġjan.

Biex dawn jinħolqu, tinħtieġ ħidma flimkien kemm internament, kif ukoll ma’ forzi politiċi u soċjali oħra, li, sa dan it-tant, iridu jkunu lesti li jpoġġu fil-ġenb preġudizzji, antipatiji u affiljazzjonijiet sabiex tinħoloq forza rebbieħa ġdida.

Huma l-koalizzjonijiet wiesgħa li joħolqu Gvern, u mhux interessi jew affiljazzjonijiet dojoq.

Ħsibijiet

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *