It-tmexxija ‘l quddiem ta’ kunċetti Kommunisti li darba kienu jappartjenu lill-Unjoni Sovjetika u li llum qed insejħulhom progress

Minn Jake Muscat

Is-soċjologu Pollakk Zygmunt Bauman kien ħareġ bit-terminu modernità “likwida” lejn l-aħħar tas-seklu 20 biex jiddeskrivi l-modernità l-aktar riċenti ta’ żmienu. Illum nistgħu nsejħu ż-żmien li qegħdin ngħixu fih bħala dak postmodern. L-idea li jippreżenta Bauman hija dik li s-soċjeta’ tal-lum marret kontra l-moderniżmu klassiku u kontra s-soċjetà tradizzjonali. B’hekk din l-istess soċjeta’ moderna qed attakka l-individwu stess u jtellfu mill-identità tiegħu. Dan qed iwassal biex din l-istess soċjeta’ tkun transformata f’waħda likwida. Xi jfisser dan kollu?

Din il-likwidità hija sintomu ta’ żieda enormi fl-inċertezzi f’moħħ il-bniedem kontemporanju. Din tapplika għal, per eżempju, għal tibdil kontinwu fil-post tax-xogħol, dar, valuri u nnammoramenti jew aħjar promiskwita’ sesswali. Pero’ din ukoll tapplika għal affarijiet aktar individwali u personali bħal twemmin politiku kif ukoll orjentazzjoni u identifikazzjoni sesswali. Fil-fatt, illum sirna ngħixu fi żmien fejn m’għadekx tista’ tgħid b’ċertezza li jeżistu biss żewġ sessi, jew li żwieġ jista’ jkun biss dak bejn raġel u mara, jew anke li bniedem jgħix ħajja monogoma. Dan kollu rriżulta f’mentalità li temfasizza t-tibdil kontinwu aktar milli l-kontinwità permanenti.

Il-moderniżmu ta’ dan it-tip jemfasizza ferm l-importanza sagra ta’ tibdil kontinwu, fraġilità, u li ma tattaċċjax ruħek ma’ identità singulari. Bażikament l-uniku ħaġa permanenti saret il-bidla perpettwa.

Kaġun ta’ dan kollu seħħew numru ta’ affarijiet, b’mod partikolari fil-qasam ekonomiku. B’mod partikolari hemm is-suq li dejjem jimbotta sabiex jikkrea soċjetà omoġenka, produttiva u konsumistika. Il-globalizzazzjoni, jiġifieri l-espansjoni u l-akkwist tas-suq mondjali mill-korporazzjonijiet kbar u multinazzjonali, hija wkoll kaġun ta’ din it-tip ta’ modernità likwida. Fil-fatt, il-globalizzazzjoni wasslet sabiex in-nazzjonijiet jiġu snazzjonalizzati mill-identitajiet rispettivi tagħhom. Saħansitra nasal ngħid li anke d-demokrazija nazzjonali saret xi ħaġa żejda jew aħjar redundant. Minħabba dan, id-demokrazija lokali tilfet il-poter u l-influenza tagħha. Dan seħħ minħabba l-fatt li l-poter veru issa m’għadux f’idejn in-nies jew gvernijiet lokali iżda f’idejn min għandu l-aktar poter ekonomiku mondjali. Konsegwenza ta’ dan, dawk minna li jivvotaw qed jagħmlu hekk għal politiċi u gvernijiet essenzjalment bla poteri. Minħabba li kull problema llum saret waħda globali, sar m’hemmx lok għal soluzzjonijiet lokali. Allura m’hemmx anqas is-sens ta’ responsabbiltà. Il-kunċett ta’ protesta kontra korp governattiv sar inutli ukoll minħabba dan il-fatt li ġa msemmejt għaliex illum il-programm elettorali mhux miktub mill-partiti politiċi li jiggvernaw iżda huwa ġa preskritt minn dawn il-multinazzjonali li huma verament il-gvernijiet tad-dinja. Gvernijiet lokali saru sempliċiment l-id tagħhom.

Din id-dinja likwida ma fihiex l-anqas lok għall-identita’ nazzjonali. Ta’ spiss nisimgħu l-borgeżija liberali ta’ diversi pajjiżi tipprova kemm jista’ jkun iċċaħħad jew telimina kull sentiment ta’ nazzjonalità u nazzjonaliżmu li jeżisti. Riżultat ta’ dan hu pajjiż bla għeruq li mhux kapaċi jiddefinixxi l-valuri u l-modus vivendi tiegħu stess.

Kaġun ta’ dan insibu l-immigrazzjoni tal-massa, speċjalment fl-Ewropa, għax pajjiż bla identità awtomatikament isir pajjiż miftuħ għal kullħadd. Il-problema b’din, apparti dik morali, hi waħda ekonomika minħabba l-fatt li l-ħaddiem lokali qed ikun sfurzat jikkompeti mal-ħaddiema barrani li xi drabi jkunu ta’ kwalita’ baxxa għax-xogħol li jintalbu jagħmlu. Minħabba f’hekk, bosta drabi dawn il-ħaddiema barranin jirċievu paga ferm inqas milli kieku kienu tal-lokal. Dawn ikunu ppreferuti sabiex il-kumpaniji japprofittaw kemm jifilħu minnhom. Essenzjalment jiġi kkreat il-prekarjat li huwa forma ta’ skjavitu modern fejn dawk tat-tielet dinja jiġu sfruttati u dawk tal-lokal isiru dispensibbli. 

Minħabba l-fatt li l-kunċett ta’ ċiviltà superjuri m’għadux jeżisti, illum naraw indifferenza għad-differenzi etniċi, kulturali u nazzjonali. Allura m’hemmx attentat għall-assimilazzjoni tal-barranin. Ta’ dan hemm żewġ konsegwenżi oħra:

i) il-pajjiż tilef l-identità tiegħu;

ii) ir-rata ta’ immigrazzjoni tant issir għolja li hi prattikament impossibbli biex pajjiż jassimilajha fi żmien qasir.

Bażikament, hawn qegħdin naraw fil-prattika il-kunċett ta’ “ċittadinanza globali” fejn ma’ jeżistux fruntieri nazzjonali iżda poplu globali wieħed. Din hi xi ħaġa li kien jippromwovi għal skopijiet rivoluzzjonarji il-Komunista Ukren, Lev Trotskey. Illum però mhux il-komuniżmu li qiegħed jippromwovi dan iżda l-kapitaliżmu globali li rajnieh isir l-eroj mondjali mal-waqa’ tal-Unjoni Sovjetika fid-90ijiet. Illum huwa dan il-kapitaliżmu globali li qiegħed imexxi l-kunċetti kommunisti li darba kienu jappartjenu għall-Unjoni Sovjetika.

F’konklużjoni, aktar milli progress għall-umanità kif iħobbu jgħidu l-liberali, il-globalizzazzjoni ġabet u se tkompli ġġib passi lura għall-umanità. Din il-modernità likwida ġġib magħha mġieba tribali, fejn il-bniedem jimxi fuq l-istint tiegħu u fuq il-preservazzjoni tiegħu u jara l-bżonn li jissodisfa l-pjaċiri tiegħu fuq ħaddieħor. Dan li qiegħed jitwettaq huwa li l-bniedem qiegħed jiġi mċaħħad mill-identità tiegħu, minn ħajja diċenti, minn komunità ta’ appartinenza u minn dak li hu traxxendenti. Fl-istess waqt, l-istess bniedem qed jiġi ekonomikament sfruttat. Dan hu dak li kien jiġri fid-dinja Kommunista u dik Sovjetika.

Jeħtieġ li nqumu mir-raqda tagħna u nieħdu f’idejna r-riedni tan-nazzjon u nġibu fis-seħħ ordni soċjali li jpoġġi fiċ-ċentru tiegħu dak li hu Divin, l-imħabba lejn il-patrija, ir-rispett lejn l-awtorità, il-familja nukleari u l-ħajja komunitarja.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *