Is-survey tal-bieraħ tal-Malta Today ikkonferma li l-politika tal-mibgħeda ma għadx għandha post f’pajjiżna

Minn Edwin Vassallo

Is-survey tal-bieraħ tal-Malta Today ikkonferma dak li ktibt u ili nikteb dwaru: il-politika Maltija hija msawra fuq il-politika tal-mibgħeda imma din ma għadx hemm post għaliha f’pajjiżna. Dan hu dak li qalu n-nies f’dan is-survey. Permezz ta’ dan is-survey, in-nies qalet li daqs kemm hija ħażina l-korruzzjoni tal-flus daqs ieħor hija ħażina l-politika tal-mibgħeda lejn in-nies. F’pajjiżna l-politika tħawwret b’doża qawwija ta’ korruzzjoni, ta’ flus, imma anki ta’ politika ta’ mibgħeda. Dan issa qed jidher fis-surveys li ħerġin minn żmien għall-ieħor għaliex ir-riżultat ta’ dan kollu huwa kelma waħda: daqshekk ieħor goffa “indifferenza”. Għaliex qed nitkellem fuq indifferenza u fuq naħa qed ngħid li n-nies saret aktar konxja mill-korruzzjoni u l-politika tal-mibgħeda?

Fil-Labour tinħass il-kilba għall-flus u din il-kilba hija s-sors ta’ kull korruzzjoni li jeħtieġ li tiġi indirizzata jekk il-Labour irid jibqa’ jitwemmen. U dan is-survey wera li n-nies qed issir aktar konxja ta’ dan tant li naqset il-fiduċja fil-Partit Laburista waħda sew.

Fil-kamp Nazzjonalista, hemm il-mibgħeda ta’ wieħed lejn l-ieħor, l-indifferenza lejn iż-żgħir, l-elitiżmu mimli preġuddizji. Dawn qed jgħerru l-potenzjal politiku ta’ dan il-partit milli jirrendi fiduċja u tama assoluta fil-ġejjieni. Dan il-fatt qed iżomm lil dan il-partit milli javvanza b’mod qawwi fost l-elettorat Malti u jgħaddi lill-Partit Laburista. Infatti, waqt li żdiedet il-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista, xorta għadu ma leħaqx u għadda lill-Partit Laburista.

Imma x’inhu l-messaġġ prinċipali ta’ dan is-survey? F’pajjiżna titnissel t-tama fil-ġejjieni jekk dawn iż-żewgt oqsma politiċi jgħarfu jitnaddfu minn dak li qed jgħerrihom minn ġewwa. Biex isir dan, iridu jkunu kapaċi jaffaċċjaw il-verita’ u mhux jidħqu f’wiċċ il-verita’.

Pajjiżna llum hu mifni bil-korruzzjoni f’kull livell tal-ħajja. Il-korruzzjoni f’pajjiżna hija virus li qed joħnoq il-kwalita’ tal-ħajja taż-żgħir, tal-ħaddiem, taż-żgħażagh, tal-familja u dan ġie espress f’dan is-survey.

Imbagħad hemm it-tieni fatt. F’dan il-pajjiż, il-ħajja qed isir unlivable. Kważi 80% taż-żgħażagħ wara li jiggradjaw ma jridux jibqgħu jaħdmu f’pajjiżna u jridu jaħdmu f’pajjiżi oħra.

Imbagħad hemm dawk li tilfu l-fiduċja fil-politika f’pajjiżna. Dawn qed jiddikkjaraw l-indifferenza tagħhom billi qed jgħidu li mhux ser jivvutaw. Il-perċentaġġ tagħhom għadu għoli. Anzi kompla jiżdied. Mela l-indifferenza ukoll qed ikollha effett kif in-nies qed jgħaddu l-ġudizzju tagħhom fuq il-politiċi.

B’hekk dan is-survey jikkonferma dak li ktibt ilbieraħ li f’pajjiżna spiċċajna ngħaffġu fuq xulxin. Biex jirnexxilna nsalvaw f’din il-ġungla, spiċċajna nirrikorru għall-prinċipju ta’ Darwin jiġifieri “the survival of the fittest.” Dan wassal biex l-egoiżmu u l-indifferenza lejn il-ħtiġijiet ta’ min hu b’saħħtu inqas minnek, jissarrfu f’antagoniżmu u preġudiżju. L-elitiżmu fis-soċjeta’ qed iwassal għall-faqar soċjali, morali u reali. F’kliem ieħor, biex nuża Malti kattiv, iżda ta’ veru, l-mibgħeda tispiċċa dik l-enerġija li nirrikorru lejha biex tgħinna nsalvaw.

Din il-mibgħeda fil-ħajja ta’ kuljum qed tissarraf f’indifferenza lejn il-ħtiġijiet ta’ xulxin. Qed tissarraf f’egoiżmu u individwaliżmu. Nemmen li meta nuża l-kelma “mibgħeda ” qiegħed nkun goff fl-għażla tal-kelma, iżda din hija l-verita’. Dak li qiegħed ninnotta u dan is-survey ikompli jikkonvinċini dwar dan li numru ta’ nies qed jgħidu li l-mibgħeda lejn min ma naqblux miegħu ma għandix tkun ir-raġunar u loġika komuni f’realta’ soċjali u politika. Dawn it-talin qed jiżdiedu f’pajjiżna. Ilbieraħ kellna survey li wera li aktar Maltin qed jgħidu bil-pulit li ma jaqblux mal-politika “tribali” u qed jgħidu li din trid tispiċċa.

Fuq kollox, dan is-survey qal li l-ħuta minn rasha tintenn. Il-fatt li l-prim ministru naqqas mill-popolarita’ turi li l-poplu beda jirrealizzah dan. Imma l-eżempju jkaxkar, jgħid il-Malti. Dak li naraw iseħħ fir-raba’ sular tal-kwartieri Laburista, issa qed narawh jiġri wara il-bibien magħluqa fil-kamp Nazzjonalista. Allura verament għandna għaliex ninkwetaw li l-onesta’ u l-umilita’ ftit li xejn jidhru li qed nifhmu xi jfissru. Dan ħareġ ukoll mis-survey għaliex il-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux jgħaddi lill-PL.

Il-kilba għall-flus ser teqred lil dan il-gvern iżda quddiem in-nies, dan il-gvern għadu jista’ jibqa’ jagħmel li jrid għaliex għadu minn fuq minħabba li l-PN ibeżżgħek. Il-PN għadu jbeżża’ lin-nies minħabba wisq mibgħeda li hemm fih għal xulxin u lejn in-nies. Jekk il-PN jirnexxilu juri ftit ta’ umilta’, allura javvanza u jkun jista’ jirkeb aħjar fuq ir-rebħa li għamel Adrian Delia u jispiċċa jgħaddi f’kollox lill-Partit Laburista.

Għal darba oħra, dan is-survey reġa’ xegħel il-bozza l-ħamra għaż-żewġ partiti ewlenin.

One thought on “Is-survey tal-bieraħ tal-Malta Today ikkonferma li l-politika tal-mibgħeda ma għadx għandha post f’pajjiżna

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *