Ir-riżultat tas-survey tal-Malta Today ma għandux jittieħed sorpriza: żgur ma hux sinjal tajjeb għal Robert Abela u l-partit tiegħu.
Minn osservatur politiku
Bħala riżultat ta’ dak li ħareġ mis-sentenza tal-kawża dwar it-tliet sptarijiet, in-numri riżultanti fis-survey tal-bieraħ ma ġewx bħala sorprisa kbira. Is-sentenza tal-qorti, bla ebda dubju, ħalliet l-effett ħażin tagħha fuq il-Partit Laburista peress li l-kuntratti ma’ Vitals/Steward fihom xamma ta’ korruzzjoni qawwija.
Żgur li ma hawn ħadd li lest li jgħid li Joseph Muscat għamel sew li ħalla dawn il-kuntratti għaddejjin u li l-flus mogħtija taw xi ritorn lill-poplu Malti. Nispera li ma hawn ħadd li lest li jgħid li l-preżenza ta’ Vitals/Steward kienet neċessarja għall-pajjiżna. Kulħadd irid bil-fors jikkonkludi li l-ħtija ta’ din il-ħadma trid taqa’ fuq l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat. Imma Abela missu kien iktar attent u missu aġixxa ħafna xhur ilu, biex din il-ħadma ma tkompliex.
Wara li ħarġet is-sentenza Robert Abela seta’ kien iktar sensittiv u missu ammetta li kien jiddispjacih għal dak li ġara f’din is-saga, u li ma hu ser jħalli xejn itellfu milli jġib lura l-flejjes li huma tal-poplu Malti u Għawdxi. Issa nafu li Abela qal li ser jagħmel ħiltu kollha biex iġib lura flus il-poplu mingħand Vitals/Steward imma din id-dikjarazzjoni ġiet ħmistax-il ġurnata tard.
Robert Abela għadu jħossu mhux komdu li jpoġġi l-ħtija kollha fuq il-prediċessur tiegħu għalkemm nafu li r-relazzjonijiet bejnu u Joseph Muscat mhux qiegħdin fuq binarju tajjeb. Kemm ser idum f’din is-sitwazzjoni ż-żmien biss irid jgħidilna għax ma jistax ikun li jibqa’ jgħatti l-ħtijiet tal-Prim Ministru ta’ qablu.
Dan l-aħħar survey ta tbeżbiża qawwija lil Robert Abela u lill-Partit Laburista. Qed iwiddibhom li ma jistgħux jieqfu jaħdmu u jikkonvinċu għaliex każ wieħed jista’ joħolqilhom diżastru nazzjonali. Issa Robert Abela irid bil-fors jibqa’ ffokat u jara liema huma dawk is-sitwazzjonijiet li jistgħu jkomplu jnaqsulu t-trankwilita’ li kellu sa qabel is-survey.
Ġimgħa hija twila fil-ħajja politika u dan is-survey wera kif dawn l-aħħar ġranet neħħew it-tbissima minn fuq il-partitarji tal-Partit Laburista, għax jekk il-Partit Nazzjonalista kapaċi jżomm dan ir-ritmu, dan is-survey jista’ juri kif qed jaħseb il-poplu mhux għal dan ix-xahar biss. Ritmu bħal dan, jekk iseħħ, żgur ma hux sinjal tajjeb għal Robert Abela u l-partit tiegħu.

Qawwi qalbek oservatur forsi tirbhu lelezzjoni.