Xi jfisser il-fatt li d-differenza bejn iż-żewġ partiti niżlet għall-8,500 imma dik bejn iż-żewġ mexxejja baqgħet għolja?

Minn osservatur politiku

Illum, il-Malta Today tatna survey li wera li l-Partit Nazzjonalista avvanza aktar milli avvanza l-kap tiegħu. Il-gap bejn iż-żewġ partiti niżel u jinsab għall-8,500 vot. Imma l-gap bejn iż-żewġ kapijiet għadu għoli, anki jekk Bernard Grech żied fil-fiduċja u Robert Abela naqqas, imma hu ta’ 32,000 vot. Mela, skont din il-previżjoni d-differenza finali, jekk kellha ssir elezzjoni llum tkun ta’ differenza ta’ madwar 24,000 vot.

Mela dan is-survey jikkonferma li kull vot li tilef il-Partit Laburista huwa tort tal-kawża tal-Vitals/Steward. Kull vot mirbuħ mill-Partit Nazzjonalista huwa grazzi għas-sentenza li lissen l-imħallef fil-kawża tal-Vitals/Steward. Mela b’mod konkret kull Malti irid jgħid li dan is-survey ħareġ kif ħareġ GRAZZI GĦAL ADRIAN DELIA.

Kull Laburist irid jgħid ‘x’għamlilna Adrian Delia waħdu’ u kull Nazzjonalist irid jistqarr li dan is-survey huwa daqstant tajjeb ‘grazzi għal Adrian Delia’. Illum in-Nazzjonalisti ħadu nifs qawwi għax fehmu li fil-politika kollox hu possibbli u allura jista’ jkun ukoll li l-Partit Nazzjonalista javviċina lejn il-Partit Laburista b’tali mod li jista’ jidħol fit-tiġrija għar-rebħa tal-gvern.

Nispera li kull votant jifhem li fil-politika jrid ikollok id-determinazzjoni li tagħmel il-ġid lil pajjiżek u tirnexxi. Allura kif tista’ ma tfaħħarx lil Adrian Delia li bir-reżiljenza tiegħu ġab terrimot fil-Partit Laburista u entużjażmu fil-Partit Nazzjonalista. Din hija riflessjoni li jrid jagħmel kulħadd speċjalment in-Nazzjonalisti għax riedet tkun il-kawża ta’ importanza enormi li tat nifs qawwi lil Partit Nazzjonalista. Kienet din il-kawża li reġgħet xegħlet id-dawl wara snin ta’ dlam fil-Partit.

Imma ma jistax jkun li jibqa’ Nazzjonalist wieħed li ma jifraħx lil Adrian Delia għar-rebħa kbira li għamel li tant kienet enormi li llum ġabet tbissima ta’ kuraġġ fuq kull Nazzjonalist li jemmen fil-partit tiegħu. U fl-istess waqt kull Laburist qed jirrealizza kemm kellu raġun Adrian Delia li fetaħ il-kawża meta ħames snin ilu ħass li din kienet ħadma kbira minn erba’ politiċi perikulużi li hemm bżonn jitwarrbu mix-xena politika ta’ pajjiżna wara li jieħdu dak li jkun ħaqqhom.

Il-Malta Today illum fetħet ħafna għajnejn li jinteresshom it-tmexxija tal-pajjiż. Illum id-differenza bejn iż-żewġ partiti hija ta’ 8.5000 vot, imma dik bejn il-mexxejja għadha għolja. Dan għaliex meta jkun hemm suġġett ta’ importanza nazzjonali l-poplu wera fejn tħabbat qalbu u qal li dak li hu tajjeb irridu insejħulu tajjeb u dak li sar ħażin irid jibqa’ jiġi konsidrat bħala ħażin. Il-poplu wera r-rikonoxximent tiegħu lejn Adrian Delia.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *