Ir-residenti ta’ San Ġwann qed jitolbu lill-Ministru Owen Bonnici biex isalva żewġ siġriet tal-Ficus milli jiġu meqruda.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann imbarka fuq proġett ta’ tisbieħ ta’ Ġnien Ġorġ Zarb. Sa hawn m’hemm l-ebda problema, anzi r-residenti kuntenti b’dan il-proġett.

Ħaġa li r-residenti huma kontra hi li ż-żewġ siġar kbar tal-ficus li hemm ser jiġu meqruda. Dan ħareġ minn mistoqsija parlamentari li saret lill Ministru Owen Bonnici. Hu qal li dawn ser jinqalgħu minħabba ħsarat infrastrutturali li qed jagħmlu. Residenti li tkellmu ma’ dan is-sit u qalulna li din hija gidba u li l-Ministru ġie miżinformat meta qalulu hekk. Huma stiednu l-Ministru Bonnici biex imur jara b’għajnejh stess li s-siġar imsemmija m’huma jikkawżaw l-ebda ħsara strutturali. Mela mhux sew li dawn is-siġrejn qed jistennew id-daqqa tal-mewt.

Infakkar li fuq naħa għandna lill-Ministru Miriam Dalli li għadha kemm varat proġett ta’ 50 miljun euro biex permezz tal-aġenzija Project Green tissebbaħ iż-żona ta’ quddiem il-knisja tal-istess lokalità u jitħawwlu iktar siġar u fl-istess nifs il-Ministru Owen Bonnici permezz tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann ser jeqred dawn iż-żewġ siġriet tal-ficus kbar li ħadu għexieren ta’ snin biex kibru hekk. Il-vera każ li l-id il-leminija ma tafx x’qed tagħmel l-id ix-xellugija!

San Ġwann hu lokalità li fih ħafna emmissjonijiet għax minnu jgħaddu eluf ta’ karozzi kuljum u għalhekk bħal kumplament tal-pajjiż ma jaffordjawx li jinqerdu aktar siġar.

Wieħed jistenna li jirbaħ is-sens komun u jara li dawn iż-żewġ siġriet ma jiġux meqruda imma mħarsa. Il-piki jaqtgħu l-aptiti. Ma ntappnux dan il-proġett tajjeb bil-qerda ta’ dawn is-siġar.

One thought on “Ir-residenti ta’ San Ġwann qed jitolbu lill-Ministru Owen Bonnici biex isalva żewġ siġriet tal-Ficus milli jiġu meqruda.

  1. Kull sigra li ghandna, iridu jaraw kif jaghmlu biex jaqilghuha! U dejjem bl-istess skuza! Bhalma qalghu dik il-kbira u sabiha nett li kienet f’Hat Attard. U ghamlu dan waqt il-budget, biex hadd ma jinduna! L-istess gara mis-sigar tal-pjazza ta’ Rahal Gdid u dan l-ahhar mis-sigar li kien hemm fil-promenada ta’ Ta’ Xbiex. Nghaddi minn hemm u nibki. Biex ma ninsewx li s-sigar jaghmlu hafna dell fl-istagun qalil tas-sajf. Imbaghad biex minghalihom jaghlqu halq in-nies, jitfghu erba’ sigriet jew “bushes” zghar minflok! Politici li joboghdu lis-sigar u li ma jridux ihaddru lil dan il-pajjiz bin-natura! Imma minflok ihobbu l-konkrit ghax dak idahhal kemxa flus u jhobbu jonfqu l-miljuni ta’ flus fi progetti f’sigar fejn f’Malta, diga’ kellna hafna sigar sbieh! Imma l-aqwa li mbaghad igieghlu lilna mmorru nitfghu l-fliexken tal-plastik gol-magni, ghall-ambjent! U halluna naqra!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *