Jason Micallef jattakka t-tmexxija preżenti Laburista u jikkonferma li mhux kollox mixi sew fil-Partit Laburista
Minn osservatur politiku.
Jason Micallef, eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, tkellem f’għeluq l-għaxar snin ta’ Gvernijiet Laburisti għalkemm jammetti li kieku mhux għax dan l-anniversarju ssemma fuq il-media soċjali, lanqas biss kien jagħti każ. Huwa tefa’ post twila li semmiegħa ‘10 snin ilu 10 snin wara’.
Huwa fetaħ l-artiklu tiegħu billi qagħad ifaħħar lilu nnifsu għax-xogħol li wettaq f’kull biċċa xogħol li tah jagħmel il-Partit Laburista. Huwa ħa l-okkażżjoni wkoll biex jikkritika lill-Partit Nazzjonalista u qal li f’dawn l-aħħar għaxar snin, dan il-Partit spiċċa mitluf minn sensih u maqsum f’ħafna biċċiet. Skont Micallef, il-Partit Nazzjonalista għadu ma tgħallem xejn mit-tliet telfiet kbar fl-elezzjonijiet ġenerali. Dan kollu għax skont hu, il-Partit Nazzjonalista għadu supperv u kemm ilu fl-Oppożizzjoni sar aktar arroganti u għamel għomru elitist u allura għadu.
Huwa qagħad jieħu pjaċir isemmi fejn kien Chairman u x-xogħol kbir li wettaq u fejn qed jaħdem illum. Fakkar lil kulħadd li hu dejjem kien u għadu obbidjenti lejn il-Partit Laburista u jgħaqdi dmiru mill-aħjar li jista’. Micallef elenka tliet affarijiet li huwa għamel f’dawn l-aħħar għaxar snin meta qal li hu ta kontribut għall-iżvilupp kulturali, soċjali, fix-xandir u fl-ambjent f’pajjiżna. Hu ftaħar li qeda b’responsabilita’, serjeta’ u integrita’ dak kollu li ġie afdat f’idejh, u qal ukoll li kull fejn kien għamel id-differenza mingħajr ma qies l-interessi tiegħu jew ta’ madwaru.
Biss Jason Micallef ra diversi bidliet u mingħajr tlaqliq jisħoq li jħossu diżappuntat, diżilluż b’diversi nies foloż li jirrenjaw fil-Partit Laburista. Huwa jgħid li kemm dam jaħdem bħala Segretarju Ġenerali hu ltaqa’ u għin ħafna nies. Huwa ta opportunatijiet u impjega diversi mal-Partit Laburista jew kumpaniji tiegħu. Huwa għin diversi individwi biex jikkontestaw elezzjonijiet Maltin u tal-Unjoni Ewropea.
Imma jinsab diskustat u diżappuntat għaliex ħafna minn dawn il-kollegi li ħadem spalla ma’ spalla magħhom tbiddlu maż-żmien u illum biex isalvaw il-pożizzjoni tagħhom, jinsewk u ma jibqgħux jgħarfuk, jekk mhux ukoll jagħmlulek il-ħsara. Huwa sejjaħ lil dawn in-nies bħala persuni bla sinsla u fil-fatt spiċċa l-post tiegħu billi b’ton b’saħħtu qal “Bla ma jindunaw li bil-karattru mnejjek tagħhom se jispiċċaw bla kredibilta’ ma’ kulħadd. Waħedhom għada pitgħada”.
Micallef ma qagħadx idur mal-lewża. Ta x’jifhem li jaf x’qed isir fil-Partit Laburista. Ħeġġeġ għall-umilta’ u biex kulħadd jiftakar minn fejn beda u mhux jintilef b’tali mod li tikbirlu rasu u jsir supperv mal-kollegi u l-kostitwenti tiegħu. Forsi dan il-messaġġ Jason Micallef qed jgħaddih lit-tmexxija tal-Partit Laburista stess għax qed jagħraf li mhux kollox ward u żahar fil-partit tiegħu. Fi kliem ieħor, Jason Micallef qed jikkonferma dak li ilu jirrapporta dan is-sit, li mhux kollox mixi sew fil-Partit Laburista.
