Is-sentenza tal-qorti dwar l-isptarijiet ta ħajja ġdida lit-tmexxija ta’ Bernard Grech: imma kemm ser idum dan il-perjodu ta’ kalma politika fil-PN?
Minn Osservatur politiku
Waqgħet il-kalma fuq il-Partit Nazzjonalista u fuq il-pożizzjoni ta’ Bernard Grech bħala kap. Kif appena tfaċċat is-sentenza tal-imħallef dwar l-isptarijiet waqaf id-diskors u waqfu il-kummenti li Bernard Grech għandu jispiċċa minn kap għax ma għandux materjal ta’ mexxej. Donnu f’daqqa waħda nxteħet kollox taħt it-tapit.
Imma kemm ser idum dan il-perjodu? Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid iżomm l-attakk fuq il-Gvern dwar id-diksata li ħa permezz tas-sentenza, l-istess partit irid jibqa’ jitkellem, jikkritika, jagħsar lill-partit fil-Gvern. Imma ser ikun kapaċi li jibqa’ jagħfas lill-Gvern għan-nuqqasijiet li għamel u li għadu qed jagħmel?
Kif u jekk il-Partit Nazzjonalista jieqaf jattakka ma hemm ebda dubju li l-iskrutinju fuq Bernard Grech jerġa’ jibda. Konna drajna naraw rewwixti żgħar, u kultant mhux daqstant żgħar, kontra Bernard Grech minn sħabu stess. Id-differenza li teżisti hija li tlett snin ilu r-rewwixti kienu fil-miftuħ imma bħalissa dawn qed isiru bil-kwiet u fil-magħluq. Konna qiegħdin naraw saħansitra ismijiet ta’ min jista’ jeħodlu postu lil Bernard Grech. Daqshekk kienu avvanzaw ir-rewwixti li kienu għaddejjin kull ftit ġranet.
Imma kulħadd b’għajnejh f’wiċċu għax kulħadd qed jirrejalizza li Bernard Grech reġa’ ħa nifs ġdid u twil minn dak in-nhar tas-sentenza ‘l hawn. Reġa’ beda jidher prepotenti u nbidel saħanistra l-mod kif jindirizza lill-poplu. Sar aktar assertiv u jidher li qed jirkeb sew fuq ir-riżultat tal-kawża. Qed jidher iżjed u qed jagħmel diskorsi ħalli jipprova kemm jiflaħ jimxi f’din is-sitwazzjoni kurrenti li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista.
Jidher ukoll li l-grupp parlamentari qiegħed kuntent għax anke huma qed jirkbu fuq l-istess sentenza u jieħdu l-glorja ma’ Adrian Delia. Għalhekk bħalissa jinsabu aljenati minn dak li qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista u m’humiex jattakkaw lil kap tagħhom. Imma kemm ser indumu nistennew biex jerġgħu jiftħu dawn l-attakki? Il-grupp parlamentari huwa grupp li ma jafx jieqaf jew jikkuntenta ruħu b’xi ħaġa tajba li tkun ġrat. Donnu dejjem ifittex id-diviżjoni u l-attakk fuq xi ħadd ta’ ġewwa.
Tgħid għaddejja l-kalma qabel ma jitfaċċa l-maltemp politiku għal darba oħra??