Il-Prim Ministru mhux qed jeskludi li jerġa’ jagħti l-isptarijiet lill-privat: jidher li dan il-gvern ma tgħallem xejn mill-balbuljata li saret minn fuq l-isptarijiet
Minn Osservatur Politiku
Il-Prim Ministru donnu għadu ma qatax qalbu li jħalli l-investiment tat-tliet sptarijiet f’idejn il-privat. Dalgħodu huwa qal li meta tispiċċa l-proċedura kollha tal-każ ma’ Vitals/Steward il-Gvern għadu ser jistudja s-sitwazzjoni imma mhux qed jeskludi li jerġa’ jkun hemm konċessjoni oħra ma’ xi kumpanija privata. Dan ġie rrappurtat mill-Malta Independent.
Huwa qal ukoll li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex jaraw kif jaslu għall-konklużjoni jekk għandux ikun hemm konċessjoni oħra, konċessjonijiet separati jew jekk għandux jieħu kollox f’idejh il-Gvern u jamminstra kollox hu. Qed jagħmel dawn id-diskussjonijiet biex jifhem u jiddeċiedi kif il-Gvern għandu jimplimenta l-viżjoni tiegħu għat-tliet sptarijiet.

Irridu nżommu quddiem għajnejna li meta Dr Robert Abela tkellem f’Għawdex, il-Ħadd li għadda, huwa wiegħed li sptar ġdid f’Għawdex ser jinbena f’din il-leġislatura. Meta mistoqsi biex jagħti xi dati meta dan jista’ jsir, il-Prim Ministru qal li qed jistenna jekk hux ser ikun hemm xi appell għall-kawża, ħalli l-Gvern ikun jista’ jibda l-proċeduri neċessarji biex jinbena l-isptar il-ġdid.
Il-Prim Ministru saħaq li l-isptarijiet għadhom m’humiex f’idejn il-Gvern għax għad hemm il-preċeduri tal-qorti miftuħin, fis-sens li jista’ jkun hemm xi appell. Biss reġa’ sostna li d-diskussjonijiet li qed isiru bħalissa huma biex jiġi analizzat kif u meta ser ikunu qed jiġu mplimentati dawn il-proġetti.
Il-Prim Ministru donnu għadu jemmen li l-privat jista’ jkun involut għal darba oħra f’dawn il-proġetti. Donnu għadu ma tgħallimx mit-togħma qarsa li ħalliet il-konċessjoni li ġiet miftiehma ma’ Vitals/Steward.