Il-grupp Parlamentari Nazzjonalista għandu juri s-support unanimu tiegħu ma’ Julie Zahra wara li ġiet attakkata fil-ġurnali woke.

Minn Edwin Vassallo

Nibda dan l-artiklu biex nuri solidarjeta’ mal-Onor Julie Zahra wara li ġiet attakkata b’mod pulit minn The Times u b’mod dirett minn James Debono fil-Malta Today. Dan għaliex l-onorevoli Zahra wriet it-tħassib u l-inkwiet tal-ġenituri li uliedhom, li għadhom tfal, ser ikunu ndottrinati mill-woke dwar l-ideoloġija sesswali.

James Debono uża l-paġna tiegħu fil-gazzetta Malta Today biex jattakka u jipprova jintimida lill-Onor Julie Zahra. L-istess għamlet The Times. Dan sar b’mod pulit kif kapaċi jagħmel il-ġurnalisti liberali. James Debono, kważi, kważi qiegħed jgħidilha żomm postok ta’ deputata u tgħid xejn fuq dan it-tagħlim kulturali u li bir-raġun kollu, numru ta’ ġenituri huma inkwetati dwar x’qed jiġi mgħallem lit-tfal tagħhom f’dan il-każ permezz tad-drama. Fuq kollox bħala ġenituri jinkwetaw x’ser ikun l-effett ta’ dan it-tagħlim fuq it-tfal tagħhom. Fuq dan il-każ, il-ġenituri għandhom dritt ikunu jafu x’inhu x’ser jaraw uliedhom peress li numru ta’ performances huma għall-iskejjel tal-primarja, minn year four sa year six.

Bħala deputata, l-Onor Julie Zahra tkellmet f’isem dawn il-ġenituri u dawn il-ġurnali pprovaw jossukrawha. Dan hu kif jaħdmu l-ġurnalisti liberali ta’ dan il-pajjiż. Tafu għaliex jirraġunaw hekk? Għaliex skont dawn il-liberali, il-liberta’ tal-espressjoni tal-kelma tasal biss sa kemm taqbel ma’ dak kollu li jaqblu mal-ideoloġija tagħhom. Jekk ma taqbilx mal-ideoloġija woke tagħhom, il-ġurnali liberali jattakkaw . L-ideoloġija tal-ġeneru tagħhom trid bilfors taċċettaha. Jekk le, bla ħniena tispiċċa taħt l-attakk.

Illum mess lill-Onor Julie Zahra biex tkun taħt l-attakk u dan kollu għaliex wettqet dmirha. Dan il-mod ta’ kritika fuq deputata huwa fih inifissu att intimidatorju. Sew għamlet Julie Zahra li wriet it-tħassib tal-ġenituri dwar x’ser jaraw uliedhom. Għaliex bħala ġurnalista, James Debono qiegħed jipprova jintimida deputat li għandha dritt titkellem f’isem il-ġenituri. Ovvjament il-ġurnalista għandu dmir li jirrapporta u għandu dritt jaqsam l-opinjoni tiegħu. Imma waqt li dan il-ġurnalista u l-gazzetti woke għandhom dritt għall-liberta’ tal-espressjoni, inkluż dik li jpoġġu lil Onor Zahra f’dell ikrah bil-kummenti tagħhom jew il-mod ta’ kif jirrappurtaw il-każ, il-Partit Nazzjonalista u fuq kollox il-grupp parlamentari għandu l-obbligu li juri li huwa magħqud bħala grupp fil-pożizzjoni tiegħu anti-woke u joħroġ stqarrija ta’ solidarjeta’ ma’ Julie Zahra.

Għalhekk, jien qed nuża dan l-ispazju biex nuri solidarjeta’ tiegħi mal-Onor Julie Zahra u nitlob lill-group parlamentari Nazzjonalista’ biex juri solidarjeta’ magħha. Quddiem dawn il-kummenti ta’ James Debono, din il-mara trid tidher li għandha s-support ta’ sħabha kollha d-deputati Nazzjonalisti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *