Desmond Zammit Marmara’ jgħid li wasal iż-żmien li l-Partit Laburista jerġa’ jmur fl-oppożizzjoni ħalli jerġa’ jsir partit soċjalista

Minn osservatur politiku

Tradiment kbir tal-Partit Laburista. Mhux qed ngħidu jien imma qed jikteb Desmond Zammit Marmara’ li dejjem qal li hu laburist jew soċjalist ferventi. Imma issa mid-dehra tant iddardar l-ilma tal-Partit Laburista li anke ta’ ġewwa qed iduru kontra tiegħu. Fil-fatt Marmara qal li s-slogan ‘Malta Tagħna Lkoll’ kien sabiħ u ġie emmnut mill-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi imma ma tantx twettaq bil-fatti.

Jidher li kienet daħqa fil-wiċċ. Dak li wiegħed Joseph Muscat ma sarx jew sar b’mod ħażin. Kienu kwantitajiet kbar tal-elettorat li mxew wara l-għajta ta’ Muscat fejn wiegħed it-tmiem tat-tribaliżmu politiku, Gvern trasparenti, governanaza tajba, protezzjoni tal-ambjent u l-qirda tal-korruzzjoni. Xi tradiment għax il-Gvern Laburista falla f’ħafna minn dawn il-wegħdi jekk mhux f’kollox.

Imma Marmara jgħid li l-Laburisti bħalu damu ma rrealizzaw b’din l-imġieba tal-Gvern tagħhom jew aħjar tal-Partit tagħhom. Tant hu hekk li għalkemm il-Labour mill-bidu beda jonqos li jwettaq dak li wiegħed, xorta l-partitarji laburisti, u mhumiex, ivvutaw bi ħġarhom għal dak il-partit li rebaħ tlett elezzjonijiet in fila.

Il-Gvernijiet ta’ Muscat u ta’ Abela rnexxielhom jidħqu bil-partitarji tagħhom, Muscat iżjed minn Abela. Għalkemm xorta fadal nies li jemmnu dak kollu li joħroġ mill-propaganda tal-Partit Laburista huma ħafna li qed jirrejalizzaw li mhux ta min jafda lil dan il-Gvern tal-Labour. Qed jingħad dan għax il-Gvernijiet Laburisti tradixxew lil Malta u Għawdex fil-ħafna wegħdiet tagħhom.

Huma ħafna l-istanzi fejn il-Gvernijiet tal-Labour tradixxew lill-poplu Malti u Għawdxi. Bħala eżempji nistgħu nsemmu l-wegħda ta’ Gvern trasparenti. Il-meritokrazia kienet wegħda oħra li ma twettqitx. Daħqa kbira hija meta ġie imwiegħed li ser tinqered il-korruzzjoni fil-ħajja pubblika bħal per eżempju l-kuntratti ma’ Vitals/Steward.

It-tribaliżmu politiku wkoll ma nqeridx bħal ma kien imwiegħed. Il-protezzjoni tal-ambjent nissel dwejjaq kbar f’ħafna Maltin u Għawdxin u flok ipproteġewh il-Gvernijiet Laburist aktar qerduh. Dan sar minħabba l-viċinanzi żejda li kellhom il-Gvernijiet u nistgħu ngħidu għad għandu l-Gvern mal-iżvilippaturi li kważi kważi jidhru li jagħmlu li jridu għax ħadd mill-politiċi ma għandu r-rieda li jwaqqafhom.

Ħaġa oħra nieqsa fil-Gvern tal-ġurnata hija n-nuqqas tal-umilta’. Din ukoll kienet wegħda tal-mexxejja Laburisti li huma ser jibqgħu umli mal-poplu kollu. Imma rajna u għadna qed naraw l-arroganza tirrenja fil-Ministri tal-Gvern li jaħsbu li ħadd u xejn ma jista’ jwaqqafhom milli jagħmlu dak li jridu.

U dan kollu ġara minħabba l-maġġoranza kbira li qed igawdi l-Partit Laburista fil-Gvern. Id-differenza fin-numri telgħet għall-irjus li d-deputati tal-Gvern iħossu lilhom infushom tant b’saħħithom li ma jħossux li għandhom jispjegaw għemilhom lill-Maltin u l-Għawdxin. Biex tkompli taxxaqha n-nuqqasijiet fl-Oppożizzjoni komplew iżidu l-arroganza fil-membri tal-Gvern.

Tant jeżistu tradimenti li ħafna huma dawk li jistaqsu jekk wasalx iż-żmien li l-Partit Laburista jerġa’ jmur fl-Oppożizzjoni. Jekk ikunx aħjar jekk il-Partit Laburista jieħu telfa fl-elezzjoni li jmiss ħalli jerġa’ jinstab dak il-Partit veru Laburista jew Soċjalista.

One thought on “Desmond Zammit Marmara’ jgħid li wasal iż-żmien li l-Partit Laburista jerġa’ jmur fl-oppożizzjoni ħalli jerġa’ jsir partit soċjalista

  1. B’hall ma dejem gara dawk ta-gewwa li iqumilhom qatt ma jiejdu xejn fuq il veru qarsa li inqarsu. kull min jinqaras jiejd ajma. Issa oservatur qawwi qalbek ghax il-partit tiejk sahta ta Malta qed tghara cance li jerga ikun fil gvern, dejjiem jekk m’laqatx xi tkaxkira ohra b’recod ta xi 50,000 vot din id-darba.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *