Where your opinion counts

Adrian Delia qajjem partit li kien f’għaxwa tal-mewt

Is-sentenza li ta l-Imħallef dwar it-tliet sptarijiet ħalliet il-konsegwenzi tagħha fuq iż-żewġ partiti prinċipali ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista bħalissa għaddej minn żminijiet politikament tajbin b’riżultat tar-rebħa li għamel Adrian Delia. Wara snin twal ta’ disfatti waħda wara l-oħra, donnu b’din is-sentenza reġa’ sab relevanza għall-eżitenza tiegħu. Il-protesta nazzjonali kienet konferma ta’ dan kollu.

Fil-Partit Nazzjonalista reġa’ tqajjem l-ispirtu ta’ ħeġġa. Kien ilu snin sħaħ ma jidher dan l-entużjażmu u l-ewforija li rajna f’dawn l-aħħar ġranet minn meta xxandret is-sentenza mill-Imħallef. Mingħajr l-iċken dubju din kienet rebħa għal Adrian Delia li waħdu kompla għaddej biex jieħu t-tliet sptarijiet lura għand il-poplu. Ta’ min ifakkar li qabel ma nfetħet il-kawża kien hemm stedina lill-grupp parlamentari kollu biex jingħaqad ma’ Dr Delia biex jiftħu l-kawża flimkien, imma għal raġunijiet diversi kollha kemm huma beżgħu minn din il-proposta.

Illum nistgħu ngħidu li Adrian Delia ġie vindikat. Stajna naraw kif dawk li tant għamlulu bsaten fir-roti u qalgħu minn żniedhom dwaru, kienu kollha warajh meta saret il-konferenza stampa ta’ nhar il-Ġimgħa. Kollha kemm huma kellhom jaċċettaw il-fatt li Adrian Delia kien għamel rebħa waħdu u fil-fatt kollha kemm huma ċapċpu meta kien qed jitkellem Delia. Biċċiet minnhom ferħulu fuq il-medja soċjali u nimmaġinaw li anke fuq livell personali għaddew ix-xewqat tagħhom.

Din is-sentenza qajmet lill-Partit Nazzjonalista minn raqda fonda. Kellha tkun din il-kawża li njettat nifs qawwi fit-tmexxija tal-Partit. Tant hu hekk li dan l-aħħar ma smajniex iżjed kummenti dwar ix-xewqa li jitwarrab Bernard Grech imma donnu kulħadd waqa’ fil-muta fuq din ir-rikjesta u ħallew kollox kif inhu.

Ħafna mid-deputati reġgħu sabu leħinhom u rajna kif il-Partit organizza diversi konferenzi stampa fuq suġġetti diversi basta jżomm ir-ritmu favorevoli li qabad minn dik il-ġurnata tas-sentenza ‘l hawn. Saru diversi ntervisti fuq kull programm. Saħansitra ġew imtella’ programmi speċjali biex tiġi diskussa din is-sentenza. Bil-fors li kulħadd irid jikkonkludi li grazzi għal Adrian Delia l-Partit Nazzjonalista qam mill-mewt politiku li kien daħal fih. Nisperaw li issa l-istess Partit ikun kapaċi li jżomm din il-pressjoni fuq il-Gvern ħalli l-Maltin u l-Għawdxin jieħdu lura bil-fatti dak li hu tagħhom bi dritt.

2 thoughts on “Adrian Delia qajjem partit li kien f’għaxwa tal-mewt

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *