Il-poplu qed jistenna li l-Gvern ta’ Robert Abela jieħu azzjoni kontra Steward Healthcare biex jiġbor flus il-poplu Malti lura.
Minn osservatur politiku
Kulħadd kellu ċ-ċans jixtarr dak li ħareġ mis-sentenza tas-serqa grandjuża tat-tliet sptarijiet u l-ħadma li ħadmu lill-poplu Malti u Għawdxi Vitals/Steward. Issa l-poplu jistenna diversi azzjonijiet speċjalment min-naħa tal-Gvern li qiegħed fit-tmun tal-pajjiż. Dan il-Gvern li miexi fuq dak li ħalla ta’ qablu hemm bżonn li jirrealizza li l-poplu qed jistenna, mhux biss stqarrijiet, imma deċiżżjonijiet li jagħtu soljiev lill-poplu Malti u Għawdxi.
Bil-fors ikollna ngħidu lill-Prim Ministru li l-poplu flusu lura fil-kaxxa ta’ Malta jrid u mhux paroli. Kulħadd qed jistenna li l-Gvern jieħu dawk il-passi neċessarji biex iġib lura l-akbar ammont possibbli minn dawk il-miljuni li leħaq ta lil dawn il-ħallelin. Hemm bżonn li nsiru nafu kemm minn dawk il-miljuni ntefqu fuq pagi tal-ħaddiema li kienu fuq il-kotba ta’ Vitals/Steward. Dawk huma l-uniċi ammonti li l-poplu ma jridx. Il-bqija jrid kollox lura għaliex il-flejjes l-oħra ma intużaw għal xejn u ma sar ebda investiment min-naħa ta’ dawn is-suppost investituri.
Il-poplu qed jistenna mingħand il-Prim Ministru apoloġija b’mod offiċjali. Din trid tkun bla riserva għax Robert Abela fil-kampanja tiegħu għall-mexxej kien qal li huwa ser ikun il-kontinwita tal-Prim Ministru ta’ qablu. Nafu wkoll li dawn il-kuntratti ġew iffirmati minn Gvern Laburista. Mela Dr Abela ma jistax jaħrab anki jekk qed jgħid li qatt ma kien involut f’dan id-deal u qatt ma kien ġie mitlub biex jixhed. Kien hemm jew ma kienx hemm, sħabu l-Laburisti iffirmaw dawn il-ħniżrijiet ma’ nies barranin u huwa jrid jieħu r-risponsabbilita’ politika tiegħu.

Il-Prim Ministru jrid ukoll jerfa’ r-responsabilita’ ta’ dak kollu li ġara. Inutli joqgħod jgħidilna li hu ma kienx fil-kabinett meta saru l-kuntratti. Imma issa hu hemm fil-Gvern u l-poplu jippretendi li l-Prim Ministru tal-ġurnata jagħmel ħiltu, mhux biss li jerfa’ r-responsabilita’ hu, imma jara li jressaq lil min għaffeġ f’dan il-każ oxxen il-qorti. Hemm bżonn li l-Gvern jara li dawk li kellhom subgħajhom fil-borma ta’ dan l-iskandlu jitressqu quddiem l-awtoritajiet ħa jieħdu dak li ħaqqhom u ssir ġustizja mal-poplu kollu Malti u Għawdxi.
Ma jistax jonqos li biex tkun saret il-ġustizzja ma’ kulħadd hemm bżonn naraw ir-riżenji ta’ dawk li b’xi mod jew ieħor kienu responsabbli. Kif tista’ tinsa li l-Ministru Chris Fearne, meta tfaċċaw Steward, kien qalilna li issa ser ikun hemm ‘the real deal’. Fearne kien hu li webbel lill-poplu Malti li ser naraw l-investiment imwiegħed min-nies suppost serji u tal-affari tagħhom. Imma sfortunatament il-poplu baqa’ b’xejn u allura l-poplu jħoss li Fearne għandu jerfa’ r-responsabilita’. Il-Ministru Fearne huwa biss eżempju wieħed għax hemm oħrajn li jridu jerfgħu r-responsabilita’ tagħhom.
Għalkemm nafu li l-Prim Ministru jrid ‘closure’ – l-għeluq kemm jista’ jkun malajr għal din l-istorja kerha – xorta jibqa’ l-fatt li Dr Abela jrid iwettaq dmiru għax inkella ma tkun ingħalqet qatt. Għalhekk ilbieraħ inġabru n-nies il-Belt Valletta biex jipprotestaw. Bil-fors irridu naraw li dawk li kienu nvoluti u dawk li komplew jagħtu l-miljuni jerfgħu xi tip ta’ responsabilita’ għal għemilhom.
