Il-BOV jrid jgħid eżatt x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar is-self ta’ 35.9 miljun ewro li ta lil Steward Healthcare.

Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia, f’isem il-Partit Nazzjonalista, ħarġu dikjarazzjoni fejn qalu li l-Bank of Valletta għandu jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu f’dak li jirrigwardja s-self li huma għamlu lil Steward Healthcare. Hemm bżonn li l-Bank of Valletta jagħmilha ċara x’ġara u x’ser jiġri mill-35.9 miljun euro li huma sellfu lil Steward Healthcare. Dan qed jintalab wara li ħarġet is-sentenza dwar it-tliet sptarijiet li kienu għaddew lil Vitals/Steward minn għand il-Gvern Malti.

Dan għandu jsir fl-interess tal-klienti kollha tal-Bank of Valletta stess. Barra minn hekk dawn l-affarijiet għandhom jiġu ċċarati minħabba s-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna. Apparti minn hekk id-dikjarazzjoni tesiġi li l-istituzzjonijiet regolatorji għandhom jaraw li l-liġijiet finanzjarji tal-pajjiż qed jiġu osservati.

Iż-żewġ deputati għamlu din id-dikjarazzjoni b’referenza lejn is-sentenza li ħarġet ġimgħa ilu u li sa issa l-Bank of Valletta għadu ma ħareġ ebda kumment dwarha meta dan il-Bank kien sellef flejjes kbar lill-istess Steward. Delia u Caruana Cilia qalu li fis-sentenza, l-Imħallef għamel referenza għas-self li wettaq il-Bank of Valletta ma’ Steward.

Peress li l-Bank għadu ma fetaħx ħalqu, ż-żewġ deputati appellaw lil Bank of Valletta biex jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *