Dagħa galor f’għassa tal-pulizija
Qed inġib post li tella’ xi ħadd dwar esperjenża xejn sabiħa li għadda minnha ġewwa għassa tal-pulizija. Waqt li din il-persuna kienet qed tinqeda semmgħet surġent u puliżija, li kienu f’kamra oħra, jidgħu galor. Pulizija li kien hemm fl-għassa qal lil din il-persuna, anzi ordnalha titlaq il-barra mill-għassa talli ma kienx qed jogħġobha d-dagħa! Verament “Domine derige nos” jew “Mulej mexxina”!

Dan hu l-messaġġ li ħalliet din il-persuna fuq il-Facebook page tagħha
“U kif taħsel tassumi li dal-pajjiż jista’ jkollu tama….
Tidħol f’għassa biex tiġbor xi affarijiet bi pjaċir għal xi ħadd, u waqt li qed tistenna, tibda tisma’ dagħa b’Alla u bil-Madonna jidwi mal-għassa kollha, ġej minn pulizija/surġent ftit ‘l ġewwa.
Wara ftit pulizija ieħor li kien viċin qed jaqdi mara li kienet qed tagħmel rapport, staqsieni jekk kellix bżonn xi ħaġa. U nikkwota…
Jien: “Le grazzi, qed jaqduni.” (Pawsa.. u b’nofs tbissima) “Qed nisma’ d-dagħa sadattant!
Pulizija: “Oħroġ ‘l barra.”
Jien: “X’nagħmel??”
Pulizija: “Għedtlek oħroġ ‘l barra. Jekk qed idejqek id-dagħa”
Jien: “Int bis-serjetà?? Flok tmur twaqqaf lilu trid lili noħroġ?!!
(Joħroġ pulizija minn ġewwa)
Pulizija: “Oħroġ ‘l barra la qallek oħroġ ‘l barra!”
Jien: “Tini raġuni valida u noħroġ.. imma mhux tgħidli ‘biex ma jdejjaqnix id-dagħa’! “
Waqfet hemm. Wieħed daħal ‘l ġewwa (jsikket lil dak li kien qed jidgħi.. probabbli), u l-ieħor kompla mas-sinjura li baqgħet iċċassata tħares lejn kulħadd!
Nibki? Nidħak?
Ħalliha ara.. forsi nħabbat rasi mal-ħajt l-aħjar!
(Povri l-pulizija ta’ veru li joħorġu barra minn posthom biex jagħmlu tajjeb għal xi żewġt iġdur bħal dawn!)