Is-sindku Laburista tal-Gżira jiġġieled biex ma jħallix isir negozju minn ġnien pubbliku: il-Partit Laburista u numru ta’ partitarji jeħodha kontra tiegħu
Is-Sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manche’ għaddej minn żmien diffiċli għax qed iduru għalih sħabu stess tal-istess Partit Laburista. Kien hemm min qallu li qed jaqla’ l-inkwiet lill-Partit Laburista. Imma l-prinċipji tiegħu qed iġagħluh jemmen li ma jistax iħalli lill-awtoritajiet jisirqu parti sostanzjali mill-ġnien tal-Gżira biex jagħtuh negozjant ħalli jagħmel pompa tal-petrol.

Borg Manche’ għadu jħeġġeġ lir-residenti tal-Gżira biex jiffirmaw il-petizzjoni li qed jiġbor biex dan in-negozju ma jsirx u l-ġnien jibqa f’idejn il-poplu gżirjan. Tant għadu jemmen f’dan il-prinċipju li qed jgħid li nutli jsir it-tgergir wara jekk dan l-isfreġju jilħaq jsir. Hu qed imur kontra dak li jixtiequ l-awtoritajiet fil-pajjiż u bħala rappreżentant tal-poplu gżirjan qed ikompli jitkellem kontra dan il-proġett allavolja qed jiġi attakkat minn kulħadd anke minn sħabu l-laburisti. Saħansitra jkun il-qorti biex jiġġieled kontra dan il-proġett.
Permezz tal-avukati tal-Kunsill tal-Gżira, s-Sindku kien fetaħ kawża kontra l-Awtorita’ tal-Artijiet li rebaħ f’Novembru tal-2022. Imma issa għaddejjien it-trattattivi tal-appell li mistennija tasal għas-sentenza fis-26 ta’ April. Is-Sindku huwa urtat li l-President tal-Partit Laburista, l-avukat Ramona Attard qed tirrapreżenta l-Awtorita’ tal-Artijiet li qed tonqos lejn il-poplu tal-Gżira. Borg Manche’ qal li hu qed jiġġieled biex art tal-poplu ma tinqeridx għall-ħniżrija ta’ negozjant u min qed jirrapreżentah. Ikompli jiddikjara li membri għoljin tal-Partit Laburista ħaduha kontra tiegħu għax waqaf lill-awtoritajiet.
Borg Manche’ jinsab skantat kif jeżistu nies fil-Partit Laburista li jaslu biex ibiegħu, jissagrifikaw u jumiljaw lil ħuthom fl-istess partit biex jinqdew huma u jaqdu negozjant. Dan is-Sindku ġie mixli minn sħabu laburisti li qed jaqla’ ħafna nkwiet għax ma jbaxxiex rasu għal dak li jgħidulu mil-Partit Laburista. Jidher li b’dan l-aġir il-Partit Laburista mhux qed jagħti prijorita’ lil ambjent u ma jistax jemmen kif nies għolja fil-Partit Laburista lesti li jeqirdu l-uniku ġnien u l-uniku pulmun li għandha l-lokalita’ tal-Gżira. Qed isostni wkoll li huwa dritt tal-poplu, speċjalment dak gżirjan, li jkollu spazji ħodor miftuħa u mhux kullimkien mibni issa anke biex jagħmlu pompa tal-petrol.
Borg Manche’ jistqarr li hu għandu twemmin soċjalista u għalhekk qed jagħmel din il-ġlieda. Skont hu, Dr Ramona Attard qed tagħmel att kontra l-prinċipji soċjalisti meta qed tiġġieled biex teqred ġnien pubbliku li ilu jservi lill-poplu għal aktar minn 120 sena. Is-Sindku jixli lill-sħabu soċjalisti li qed jiġġieldu biex joħroġ il-permess għal din il-pompa li qed jagħmlu tradiment lejn il-poplu. Hu jiftaħar li kemm ilu Sindku ħlief ġid għal-lokalita’ ma għamilx u dejjem iġġieled biex jagħmel dak li hu tajjeb f’isem dawk kollha li vvutawlu.