Għaliex għandna ngħidu grazzi lil Adrian Delia?
Minn osservatur politiku
F’isem il-poplu kollu Malti u Għawdxi ngħidlek GRAZZI Adrian Delia. Jistħoqqlok kull tifħir fuq diversi fronti. L-ewwel net għax kont il-persuna li għamilt ġustizzja minn ħadma kolossali li kienet il-konċessjoni lil Vitals-Steward. Kellek tkun int waħdek li terraqt mas-swali tal-qorti biex tagħmel ġest nobbli u treġġa’ lura l-isptarijiet fejn jixirqilhom ikunu, jiġifieri għand il-poplu Malti u Għawdxi.
Int tajt vot ta’ fiduċja qawwija lil dan il-poplu tagħna għax urejt kemm verament aħna professjonali bħala poplu u li ma għandna bżonn lil ħadd biex imexxielna xi ħaġa li hi tagħna bħal ma huma l-isptarijiet. Urejt id-dedikazzjoni li għandhom il-professjonisti tagħna u tajthom vot ta’ fiduċja qawwija u għidtilhom, bir-rebħa tiegħek, qed nagħtikom dak li hu tagħkom bi dritt. Ħuduhom u mexxuhom bl-aqwa mod u bl-iktar mod prefessjonali u rendu dawn l-isptarijet bħala state of the art bħalma għamiltu storja ta’ suċċess minn Mater Dei.
Adrian Delia kieku ma kienx ċert li aħna l-Maltin u l-Għawdxin ma għandniex il-kapaċita li mmexxu dawn l-isptarijiet waħedna ma kienx jidħol għal din il-kawża. Imma wera fiduċja għamja fit-tobba tagħna u b’dak li għamel għolla id-dehen li għandhom dawn il-professjonisti u qallhom li aħna lilhom irridu biex jimmaniġjaw l-isptarijiet tagħna.
Adrian Delia kien konxju li ma kien hemm ebda ħsieb ta’ ġid għal poplu Malti b’din il-konċessjoni. Irrejalizza mill-ewwel li dan kien kuntratt biex iħaxxen il-bwiet ta’ ftit nies li kienu ddeffsu biex mingħalihom iwettqu din l-oxxenita’. Adrian Delia ma għamel xejn għal gwadann tiegħu personali imma daħal għal biċċa inkwiet kbira biex jirregala lura dawn l-isptarijiet lill-poplu Malti u Għawdxi. Ħa riskju personali kbir u ta dan il-poplu Malti u Għawdxi jrid jibqa’ rikonoxxenti lejh.
Issa nistennew li l-Gvern jaġixxi u jkompli jirrendi din ir-rebħa bħala waħda fattibbli. Il-Gvern irid jagħmel il-parti tiegħu. Adrian Delia fettħilhom it-triq u ġab l-isptarijiet lura għand il-poplu. Issa l-Gvern irid jiġġieled biex jieħu lura dawk il-miljuni kollha li marru fil-bir tas-skieken għand il-barrani li minnhom il-poplu Malti u Għawdxi ma akkwista xejn. Issa l-ballun mar fuq in-naħa tal-partit fil-gvern. Jekk verament hemm rispett lejn il-poplu, il-Prim Ministru flimkien mal-Gvern tiegħu jrid iġib dawn il-flus lura u immedjatament jibda l-investiment f’dawn l-isptarijiet li issa bi dritt qiegħdin fuq ħoġġru.
Il-ġojjelli tagħna ngawduhom aħna. Dak li hu tagħna nżommuh għandna. Ma għandniex għalfejn naqsmu ġidna mal-barrani. F’dan il-każ il-barrani ħadem għal butu u mhux għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Għall-kuntrarju, Adrian Delia ħadem f’isem il-poplu Malti u Għawdxi. Adrian Delia ma tax każ ir-riperkussjonijiet li seta’ jsoffri għax kellu l-konfort li dak li kien qed jagħmel kien għal ġid tal-Maltin. Illum irnexxielu u għal dan aħna ilkoll irridu nibqgħu nirringrazzjawh u nibqgħu rikonoxxenti lejh u lejn dak li rnexxielu jwettaq.
Hu lil Grech halejtu barra wara daqs dawk sforzzi hu daqs dik hbiberija spalla ma spalla fkull ritrat li rajna.