L-Assoċjazzjoni Medika Maltija titlob lill-gvern biex jirkupra l-flus li ħallas lil Vitals u anki lil Steward Healthcare

L-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta qed issostni li l-Gvern għandu jieħu passi legali biex jiġbor lura l-miljuni li nsterqu minn Vitals u Steward. L-Assoċjazzjoni qed issostni li bir-rebħa ta’ Adrian Delia l-isptarijiet ġew lura imma issa jonqos li l-Gvern jieħu bis-serjeta’ l-isfida li ġab fuqu nnifsu li jirritorna dawk il-miljuni kollha lill-poplu Malti.

Din l-Assoċjazzjoni, li tirrapreżenta lit-tobba, laqgħu b’idejhom miftuħa s-sentenza dwar it-tliet sptarijiet. Huma minn dejjem qalu li għandhom il-kapaċita’ biżżejjed biex imexxu l-isptarijiet huma u minn dejjem qalu li ma jaqblux mad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti l-istess sptarijiet lill-barranin. Tant kienu kontra dan l-kuntratt ma’ Vitals u Steward li saħansitra kienu ordnaw żewġ azzjonijiet industrijali.

Din l-Assoċjazzjoni kienet insistit li l-isptarijiet misshom baqgħu taħt it-tmexxija tal-Gvern lokali u mhux jidħlu f’xi kuntratt ma’ ebda kumpanija barranija. Din l-Assoċjazzjoni qalet li dawn id-deċiżjonijiet tal-Gvern sarrfu f’telf kbir ta’ ħafna miljuni ta’ euro. Dawn l-istess flus misshom marru fuq infrastruttura medika fil-pajjiż u mhux ingħataw lill-kumpaniji barranin qalet din l-Assoċjazzjoni.

Issa wasal iż-żmien li l-Gvern jieħu l-passi neċessarji biex jirkupra dawk il-miljuni kollha mogħtija lill-barranin. It-tobba jemmnu li il-kuntratt sewa lill-poplu Malti mal-500 miljun euro li twaddbu f’bir tas-skieken mingħajr lanqas biss tpoġġiet ebda ġebla biex jinbena xi sptar ġdid. L-Assoċjazzjoni tat-Tobba tistenna li l-Gvern ta’ Malta għandu b’mod trasparenti u deċiżiv juri li qiegħed fuq in-naħa tal-pażjenti Maltin u Għawdxin u mhux fuq in-naħa ta’ dawn il-frodisti. L-Assoċjazzjoni esprimiet li l-Gvern għandu jagħmel dak li hu neċessarju mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *