It-tnaqqis tal-perjodu li fih Steward Healthcare jistgħu jappellaw; sew għamel il-gvern li mhux ser jappella

Nisperaw li l-Gvern mhux iħossu sodisfat li l-qorti naqset il-perjodu li fih jistgħu jsiru appelli. Nisperaw li l-Gvern mhux jiftaħar li għamel xi vittorja kbira għax naqqas dan il-perjodu b’għaxar tijiem. Nisperaw li l-Gvern mhux iħossu trijunfanti li issa l-perjodu li fih Steward jistgħu jappellaw naqas għal 20 ġurnata.

Din ir-rikjesta biex jitnaqqas dan il-perjodu saret mill-Gvern wara li l-Prim Ministru ppronunzja ruħu dwar din il-possibilita’. Dan naqqas il-perjodu li fih Steward jistgħu jagħmlu l-appell tagħhom meta nafu li l-Gvern mhux ser jappella minn din is-sentenza li tat diksata kbira lil kull min kien imressaq f’din il-kawża fosthom il-Gvern u Steward.

Min-naħa tagħhom eżatt wara s-sentenza storika, Steward Healthcare qalu li huma jħossu li dak li qalet is-sentenza huwa ‘skandaluż u bla mertu’ u li għandhom l-intenzjoni li jieħdu azzjonijiet ulterjuri biex jikkontestaw dak li qalet il-qorti. Min-naħa l-oħra sew għamel il-gvern li mhux ser jappella.

Steward akkużaw lill-qorti li marru oltre mill-mandat tagħhom. Komplew jgħidu li s-sentenza ser ikollha implikazzjonijiet serji fuq investiment barrani li jista’ jersaq lejn il-gżejjer Maltin. L-uniku implikazzjonijiet li ser ikollha din is-sentenza huwa li dawk il-kumpaniji barranin li bi ħsiebhom jagħmlu dawn it-tip ta’ kuntratti frodulenti jaħsbu darbtejn qabel jagħmluhom.

Fil-kawża tat-tnaqqis fuq il-perjodu tal-appell, Steward qalu li l-Gvern qed jieħu dan l-atteġġjament minħabba pressjoni qawwija kemm politika kif ukoll ta’ medja. Huma stqarrew wkoll li kienet għadha kif ixxandret is-sentenza li l-Gvern ħareġ dikjarazzjoni fejn qal li ser inaqqas il-perjodu tal-appell. Steward ħarġu kontra din il-linja tal-Gvern u qalu li huma għandhom bżonn aktar żmien biex jippreparaw l-eventwali appell tagħhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *