Where your opinion counts

Il-Ministru Byron Camilleri jinħeba wara l-inkjesta li fetħu r-Repubblichini meta wieġeb mistoqsijiet parlamentari ta’ Beppe Fenech Adami u Mark Anthony Sammut

Minn osservatur politiku

B’riżultat tas-sentenza tal-qorti dwar l-isptarijiet, żewġ deputati tal-Oppożizzjoni waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari staqsew lil Ministru tal-Intern, Byron Camilleri, jekk il-pulizija bdietx xi investigazzjonjiet. Huma staqsew jekk il-pulizija bdewx jinterrogaw lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u lil persuni oħrajn involuti fl-iskandlu tat-tliet sptarijiet.

Il-Ministru Byron Camilleri ma ta ebda risposta għall-mistoqsijiet varji li għamlu Mark Anthony Sammut u Beppe Fenech Adami. Fiż-żewġ instanzi, il-Ministru ħarab mid-domandi magħmula. Huwa rrisponda biss li għad hemm inkjesta maġisterjali għaddejja. Infakkar li din l-inkjesta ġie mitluba mill-Għaqda tar-Repubblichini fl-2019, wara li Adrian Delia kien fetaħ din il-kawża sena qabel. Kemm kien ikun aħjar li kieku l-Għaqda tar-Repubblichini stennew qabel fetħu jew talbu għall-inkjesta. Issa l-Gvern jista’ jirkeb fuq din l-inkjesta u jistaħba warajha biex jerbaħ iżjed żmien.

Mark Anthony Sammut fil-mistoqsija tiegħu qal li l-pulizija tmexxi investigazzjonijiet b’mod indipendenti mill-inkjesta maġisterjali u għalhekk ir-risposta tal-Ministru kienet biss skuża. Dan minnu. Imma xorta jibqa’ l-fatt li kieku l-inkjesta tħalliet għal wara l-kawża ta’ Adrian Delia, kienet tkun hafna aktar effettiva. Imma dak iż-żmien, ir-Repubblichini kienu moħħhom – kif jgħidu bl-Ingliż “to belittle” jew iċekknu kull inizjattiva li kien jagħmel Adrian Delia.

Bl-iskuża tal-inkjesta, il-Ministru Camilleri evita li jagħti xi tip ta’ risposta u hekk ħadd ma sar jaf jekk inbdewx xi investigazzjonijiet. Hekk jista’ jibqa’ jinħeba wara din l-inkjesta li għada għaddejja. U nafu li hemm inkjesti li qatt ma ġew konklużi! Jista’ jkun ukoll li l-pulizija tuża l-istess skuża biex ebda investigazzjoni ma tibda.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *