“If you don’t compromise on your principles, you are always a winner”
Minn Edwin Vassallo
Il-Malta Today tatna l-vizzjoni tal-ambaxxatur Malti fil-Ġnus magħquda, Vanessa Frazier li llum qed tmexxi il-Kunsill tas-Sigurta’. Frazier qaltilna li “if you don’t compromise on your principles, you are always a winner“. Qiegħed nikkwota dan il-kliem ta’ Vanessa Frazier għaliex qed titkellem fuq suġġett qrib għall-qalbi – ma hemmx kompromessi mal-valuri. Fi kliemha, qed tgħid lilna l-Maltin li “jekk inżommu mal-prinċipji tagħna u ma nikkompromettuhomx, aħna dejjem rebbieħa”. Dan il-kliem li mhux kliemi. Imma inħossni sodisfatt naqra diskorsi li jitkellmu favur il-prinċipji. Fi kliem ieħor, dan hu kliem ieħor fuq il-valuri.

Din il-ġlieda għall-ġustizzja hija ġlieda ta’ prinċipju. F’pajjiżna kellna terremot riżultat ta’ sentenza tal- qorti li għadna ma nafux x’inhu l-effett u l-impatt ta’ dan it-terremot mhux biss fuq is-servizzi tas-saħħa, iżda wkoll fuq il-gwerra kontra l-korruzzjoni u l-ġustizzja f’pajjiżna.
Biex noħorġu rebbieħa bħala poplu, neħtieġu niffaċċjaw il-verita’ u l-verita’ bħall-ġustizzja huma żewġ valuri li jsostnu lil xulxin. Għalhekk neħtieġu li f’dan il-pajjiż nifhmu li wasal iż-żmien li fih l-establishment politiku ma jibqax jikkomprometti l-valuri jekk il-poplu tagħna jrid li jirbaħ lura l-fiduċja fil-politika u għalhekk fil-ġejjieni ta’ pajjiżu.
Biex il-ġustizzja ssir u tidher li qed issir irridu niffaċċjaw il-verita’ u meta ngħid “verita” jien nemmen irridu nwarrbu d-diżonesta, il-faċċoliżmu li huwa kollu frott l-ingann u l-gideb.
Min qiegħed fil-politika, kemm jekk fil-PL jew fil-PN mhux qiegħed hemm għalih innifsu jew għaliex jemmen f’alla tal-flus. Wasal iż-żmien li kulħadd jifhem postu fejn hu. Il-partiti jeħtiegu jingħataw lura lin-nies. Il-politika teħtieġ li terġa’ lura għall-prinċipju u l-valuri u mhux nibqgħu b’idea ta’ xejn ma hu xejn. Ara fejn wasalna bħala pajjiż bil-loġika ta’ ‘the end justifies the means’.
“If you don’t compromise on your principles, you are always a winner“. Dan hu l-ideal tal-ħidma tiegħi, li nara li dan il-kliem ikun mħaddem u mhux sempliċiment kliem li jingħad għall-gallarija.