Minn Kunsill Ġenerali tal-ġimgħa l-oħra diviżiv u bi ftit nies għal rally tar-rebħa ta’ Adrian Delia b’messaġġ ċar ta’ għaqda.

Minn osservatur politiku

Sewwa jgħidu li ġimgħa hija twila fil-politika. Ħarsu lejn il-Partit Nazzjonalista. Minn Kunsill Ġenerali ftit tal-ġranet ilu u r-rally tar-rebħa ta’ Adrian Delia. Fl-ewwel wieħed ħames tużżani siġġijiet mimlijin l-iżjed bid-deputati u kandidati. Fit-tieni sala mimlija b’nies mimlijin tama għal darba oħra.

Grazzi għal Dr Adrian Delia s-sala tad-Dar Ċentrali kienet mimlija sax-xifer. Kien ilna ma naraw xena bħal dik numru ta’ snin. Konna mdorrijin bihom imma l-apatija li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista kienet qed taqta’ fil-laħam il-ħaj. Imma l-perseveranza ta’ bniedem wieħed tat il-frott tagħha. Wara ħames snin ta’ ħidma fuq kawża delikata u li seta’ kellha riperkussjonijiet kbar, Dr Delia ħareġ rebbieħ.

Kien persważ meta fetaħ il-kawża li jkollna nirrimarkaw li l-grupp parlamentari kollu beża’ u rtira milli jpoġġi ismu ma’ Dr Adrian Delia meta fetaħha. Għalkemm kien hemm it-talba biex kulħadd jissottometti ismu, il-grupp kollu tqarras u beża’ u kellu jibqa’ waħdu biex jagħmel dak il-pass. Pass li seta’ poġġieh f’sitwazzjonjiet delikati u diffiċli ħafna. Imma Dr Delia bi kjarezza liema bħala kien jaf x’qed jagħmel. Terraq fil-qorti għal 40 seduta.

Preżenta 4000 paġna ta’ dokumentazzjoni. Iġġieled kontra diversi stituzzjonjiet. Tqabad ma’ għexieren ta’ avukati li preżentaw lil dawn l-istess istituzzjonjijet li setgħu jaffordjaw dak in-numru. Iġġieled b’avukat wieħed miegħu u abbandunat minn sħabu l-politiċi bl-eċċezzjoni tal-avukat Alex Borg. Il-folla ġewwa d-Dar Ċentrali semgħet diskors minn Adrian Delia emozzjonanti, rifless tal-emozzjonijiet li hu kien qed iħoss. Kien diskors imqanqal li ġibed lejh diversi applawsi minn dawk preżenti.

Ma kien hemm ebda ton ta’ amarezza kontra sħabu jew xi ħadd ieħor imma turija li Adrian Delia jrid l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista. Kien messaġġ li wera kemm verament lest li jidħol għal sagrifiċċji għal ġid tal-Partit. Fuq kollox kien diskors li ta tama qawwija lis-sostenituri kollha preżenti u lil dawk kollha li segwew minn fuq it-televizjoni u mezzi oħra tax-xandir. Kien diskors li spjega li b’din ir-rebħa imwettqa minn Adrian Delia, il-Partit Laburista tħarbat u ma jafx fejn ser jaqbad jagħti rasu. Jinsabu mifxulin u qed jippruvaw jieħdu deċiżjonijiet biex ibenġlu s-sitwazzjoni. Imma se jgħarralhom għax Adrian Delia għamel rebħa skjetta li ċaqalqet lill-Partit Laburista mill-għeruq.

Id-diskors wera kemm Adrian Delia hu mogħni b’umilta’ u ġentlomerija. Dak li għamel ilbieraħ, li daħal fis-sala akkumpanjat mill-kap, sejjaħ lil Bernard Grech, waqt id-diskors tiegħu, bħala l-kap tiegħu, wera kemm verament għandu biss f’qalbu l-ġid tal-Partit Nazzjonalista. Kien diskors li xegħel in-niċċa tal-kuraġġ. In-nies preżenti urew li lesti jħaddnu l-kuraġġ li xerred Adrian Delia u li lesti jaħdmu biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun partit glorjuż.

Tkellem fuq it-tama li għandha taħkem lil kull wieħed u waħda minn dawk li kienu qed jisimgħuh. Kellu jkun Adrian Delia li waħdu jerġa jagħti din it-tama lill-partitarji li tant għandhom bżonnha. Wera li hu għix bit-tama għal ħames snin sħaħ u issa jrid jittrasmettiha lil kull nazzjonalist jew persuni li huma ta’ rieda tajba. Adrian Delia kompla saħħaħ dak li jemmen fih, li ma jżommx f’qalbu u ta sinjal ta’ maħfra lil kull min rah. Huwa ta ukoll sinjal qawwi ta’ fiduċja lill-partitarji kollha. Id-diskors tiegħu kien jirrifletti dik il-fiduċja u saħaq li l-Partit Nazzjonalista għadu hemm u għandu futur quddiemu.

B’din ir-rebħa Dr Delia fera’ bl-ikrah lill-Partit Laburista li jista’ jħallieh midrub politikament u għalhekk b’inqas possibilita’ li jibqa’ jiġri bl-elettorat. Wara d-diskors ta’ Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista reġa’ xegħel id-dawl u beda ħiereġ mid-dlam li kien ħakem fuqu. Adrian Delia reġa’ ta nifs lill-partitarji kollha u nissel l-entużjażmu li ilu nieqes għal snin sħaħ, speċjalment minn wara d-damdima tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Nisperaw u nittamaw li dawk kollha li kienu kasbru tant lil Adrian Delia jaqraw is-sinjal li ġie mogħti b’din ir-rebħa. Nisperaw u nittamaw li kollha kemm huma jxammru l-kmiem u b’leħen wieħed jaħtfu din l-okkażżjoni li Adrian Delia tahom fuq platt tad-deheb.

One thought on “Minn Kunsill Ġenerali tal-ġimgħa l-oħra diviżiv u bi ftit nies għal rally tar-rebħa ta’ Adrian Delia b’messaġġ ċar ta’ għaqda.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *