Skont Jason Azzopardi, il-qorti ħalliet fid-diskrezzjoni tad-Direttur tal-Ħabs jekk George Degiorgio jingħatax il-prison leave jew le
F’post li tella’ Jason Azzopardi, qal li fis-sentenza tagħha, il-qorti ħalliet fid-diskrezzjoni tad-Direttur tal-Ħabs jekk George Degiorgio jingħatax il-prison leave jew le. Din tagħmel sens għaliex dejjem, meta jsir rikors fil-qorti, il-qorti tħalliha f’idejn id-Direttur tal-Ħabs jekk jagħtix il-leave jew le. Fi kliem ieħor, l-avukati ta’ George Degiorgio għamlu rikors. Dan instema’ quddiem l-imħallfa Edwina Grima. Jidher li kien hemm appell mis-sentenza tagħha u t-tliet imħallfin tal-appell ikkonfermaw is-sentenza ta’ Edwina Grima. B’hekk il-qorti laqgħet ir-rikors imma mbagħad ħalliet fid-diskrizzjoni tad-Direttur tal-Ħabs jekk jagħtix dan il-prison leave jew le. Mela minn dak li ħareġ s’issa, jidher li l-qorti ma ċaħditx lil Degiorgio l-prison leave imma l-anqas tagħtulu għaliex jidher li ħalliet l-aħħar deċiżjoni f’idejn id-Direttur tal-Ħabs. Għall-inqas dan hu dak li jista’ jiġi konkluż minn dak li kiteb Azzopardi.

B’hekk wieħed jistenna li l-awtoritajiet kemm tal-ħabs u l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri joħorġu stqarrija ċara u jgħidu eżattament x’ġara f’dan il-każ għaliex kemm is-sentenza ta’ Edwina Grima u dik tat-tliet Imħallfin tal-Appell ma hix online.
Sadanittant, it-tifel ta’ George Degiorgio tella’ messaġġ fuq Facebook fejn qal li “money talks”. Quddiem messaġġ bħal dan, huwa aktar importanti li jkun hemm kjarezza min-naħa tal-awtoritajiet ta’ x’eżattament ġara f’dan il-każ.