Għala l-Prim Ministru qed iwaħħal fil-qorti meta skont il-liġi huwa d-Direttur tal-Ħabs u l-Ministru risponsabbli jekk ħabsi jingħatax prison leave jew le?

Aħbar li kellna f’dawn il-jiem hija marbuta mal-fatt li George Degiorgio ingħata prison leave biex imur attivita’ tal-familja. Jien mhux ser nidħol fil-mertu jekk George Degiorgio għandux dritt jingħata dan il-leave jew le. Żgur ma nistgħux nargumentaw li persuna li qatlet lil Daphne Caruana Galizia ma għandix dritt għall-leave, waqt li persuna oħra li nstabet ħatja fuq omiċidju għandha. Mela f’dan il-blogg, dak li ser inkun qed nitkellem fuqu huwa dak li jissejjaħ il-leave prison u min hu risponsabbli għalih.

Peress li dan spiċċa każ fuq il-media, sirna nafu li sar rikors il-qorti. Fi kliem ieħor, George Degiorgio permezz tal-avukat jew avukati tiegħu għamel rikors il-qorti u ġejna infurmati mill-media, li l-qorti tagħtu d-dritt għal dan il-leave biex jattendi magħmudija tal-familja u anki riċeviment li sar wara. Dan wassal biex il-Prim Ministru jitfa’ l-ħtija fuq il-qorti għal dan il-prison leave.

Dak li hu stramb f’din l-istorja kollha huwa dan. Qatt ma kienet fl-istorja tal-ħabs, li priġunier ikkundanat, jagħmel rikors biex jingħata prison leave. Jekk il-persuna tkun għadha taħt arrest, tista’ tagħmel rikors il-qorti u/jew jekk l-iSpettur li jkun qed jinvestiga ma jsibx oġġezzjoni, din tingħata l-prison leave. Imma dan hu bniedem li finalment issa ġie kkundannat. Mela f’dan il-każ huwa d-Direttur tal-Ħabs li jrid jiddeċiedi jekk George Degiorgio jingħatax prison leave jew le.

Il-liġi hija ċara. Il-liġi li tirregola l-ħabs iġġib in-numru 260.03 att 61 u qiegħed mehmuż ma’ dan l-artiklu. L-att jgħid ċar li hi r-responsabbiltà tad-Direttur tal-Ħabs fuq direzzjoni tal-Ministru risponsabbli biex jingħata l-prison leave lill-persuni li ġew ikkundannati mill-qorti.

Infakkar ukoll li hemm il-prison board. Wieħed isaqsi, mela għalfejn hemm il-prison leave board li hu mwaqqaf skont il-ligi biex jiddeċiedi jekk ħabsi jingħatax il-prison leave jew le? U minkejja li l-board jiddeċiedi, xorta waħda l-aħħar kelma tibqa’ dik tad-Direttur tal-Ħabs li hu responsabbli għall-ħabsin skont kif tgħid l-istess liġi.

Mela d-Direttur tal-Ħabs irid jispjega kif George Degiorgio ingħata dan il-leave u mhux il-qorti. Finalment il-liġi lilu tgħajjat u titfa’ fuqu r-responsabilità jekk ħabsi jingħatax leave jew le. Hu jrid jiddeċiedi f’dan il-każ. B’hekk hawn wieħed irid jistaqsi jekk il-qorti ntużatx bħala paraventu?

Huwa id-Direttur li kellu jiddeċiedi finalment jekk George Degiorgio jingħatax leave jew le. Tant hu hekk li meta persuna tintbagħat il-ħabs, il-qorti tirrakkomanda biss jekk għandux imur Monte Karmeli jew le. Fl-aħħar minn l-aħħar, x’isir fil-ħabs jiddeċidieh id-Direttur tal-Ħabs u mhux il-qorti. Mela hawn għandna bżonn ta’ kjarifiċi ċari ta’ x’ġara sew f’dan il-każ. Nistenna li l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja jagħmel xogħlu!

Hu għalhekk hi stramba ħafna kif sar rikors fil-qrati tagħna meta hemm l-istrutturi apposta li jiddeċiedu jekk persuna tingħatax il-prison leave jew le. Ma għandix dubju, li l-ġudikant jaf il-liġi tajjeb.

Alla ħares kull priġunier li ġie kkundannat jibda jagħmel rikors għall-prison leave għax apparti li d-direttur jiġi qiesu pupazz u bla awtorità, il-Qorti ikollha lista ta’ rikorsi quddiemha li ma tispiċċa qatt!

Għalhekk f’dan il-kuntest wieħed jistaqsi għala l-Prim Ministru qed jwaħħal fil-qrati u mhux fid-Direttur tal-Ħabs jew fil-ministru risponsabbli mill-ħabs, Byron Camilleri, meta skont il-liġi, dawn huma l-persuni risponsabbli jekk ħabsi jingħatax prison leave jew le? Kjarifiċi ċari huma meħtieġa f’dan il-każ.

3 thoughts on “Għala l-Prim Ministru qed iwaħħal fil-qorti meta skont il-liġi huwa d-Direttur tal-Ħabs u l-Ministru risponsabbli jekk ħabsi jingħatax prison leave jew le?

  1. Il-qorti tista tigi mitluba tidecidi hafna affarijiet. OK. Allura jekk id-deretur tal habs u responsabli kiff il-qorti accetat li tithol bejn il-basla u qoxrita.

    1. Eżatt. Naħseb li probabilment minħabba s-sura tad-delitt li Degiorgio ammetta li kien ħati tiegħu d-direttur tal-ħabs ma ridtx jitgħabba waħdu bid-deċiżżjoni daqstant sensittiva u talab lil qorti biex jara x’ħa jgħamel. F’aħħar mill-aħħar naħseb li din l-affari Degiorgio xorta l-qorti kien imur biha jekk il-permess ma kienx jingħatalu. Naħseb li t-triq il-quddiem dik kienet li ħa d-direttur.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *