Il-votazzjoni fil-Kumitati Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista: importanti li jintgħażlu persuni li lesti jaħdmu

Minn osservatur politiku

Fi ftit tal-ġimgħat oħra l-Partit Nazzjonalista jrid jgħaddi mill-proċess fejn it-tesserati jivvutaw biex jiġu ffurmati l-kumitati sezzjonali. Fuq dan is-suġġett tibqa’ tiftakar f’dak id-diskors li kienet għamlet Doris Zammit, il-President tal-kumitat sezzjonali ta’ Ħal Qormi waqt l-aħħar kunsill ġenerali. Ma tistax tmur tivvota għal kumitat mingħajr ma tirrifletti fuq il-fatt li l-kumitat sezzjonali qed jingħataw il-ġenb.

Qed ngħid dan għaliex din il-President ta’ Ħal Qormi kważi qalet li Bernard Grech u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ma tantx jinteressawhom il-kumitati sezzjonli. Tant hu hekk li qalet li t-tmexxija ma tantx huma ħerqana li jitkellmu ma dawn l-istess kumitati.

Zammit kompliet tgħid li dawn il-kumitati qed jingħaqdu daqs kemm jinbuttaw id-deputati u l-kandidati tal-lokalita’, li jagħmlu ħilithom kollha biex itellgħu fil-kumitat nies li jappoġġjaw lilhom ħalli meta jkun il-waqt jitħabbtu f’isimhom. Anke hawn tirrifletti l-firda li dejjem eżistiet bejn id-deputati jew kandidati. Meta jaslu dawn il-votazzjonijiet wieħed jistenna xi block vote favur wieħed u kontra l-ieħor. Din tirrifletti biss il-firda li jkun hemm bejn nies li jirrappreżentaw l-istess partit.

F’dawn il-kumitati hemm bżonn li jitfaċċaw nies li lesti jaħdmu s-sena kollha u mhux meta tkun wasslet xi elezzjoni jew meta jkun ser jittieħed xi vot mill-kunsilliera. Hemm ħafna xi jsir jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jara kif ser jagħmel biex jerġa’ jqajjem l-entużjażmu tant neċessarju fil-bliet u l-irħula tal-pajjiż.

Dawn il-kumitati għandhom bżonn jiġu mogħtija l-importanza li jixirqilhom u ma jħallux lid-deputati u kandidati tal-lokalita’ jagħżlu huma għal gwadann personali tagħhom biss. Hemm bżonn ta’ nies li lesti jagħtu l-ħin tagħhom għall-ġid tal-Partit. B’hekk biss il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jgħid li qed javviċina lill-poplu permezz tal-kumitati sezzjonali, fergħat tant importanti fi ħdan partit politiku.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *