L-iSpeaker isellem u jirringrazzja lill-Maltin kollha, inkluż lil ħafna reliġjużi, li qed jiddedikaw ħajjithom għall-għajrhom.
Illum saret konferenza dwar il-ġustizzja soċjali. Din il-konferenza saret fil-Parlament. Fost il-kelliema kien hemm l-iSpeaker tal-Kamra Anglu Farrugia. Waqt li fakkar li soċjetà li hija fiha nnifisha waħda dinamika u ħajja, saħaq li din il-ħin kollu tinbidel, għaliex il-bniedem hu msawwar biex jgħix u jgħix sewwa u tajjeb. B’hekk hu insista li l-bnedmin jeħtieġ li jgħixu flimkien f’armonija u fis-sliem. Waqt li fakkar dwar il-bżonn li l-ħaddiem għandu dritt għall-ħlas xieraq semma wkoll li s-soċjeta’ trid tinbena fuq l-imħabba u solidarjetà umana.
Fuq kollox, fakkar li s-soċjeta’ tħares lejn il-familja bħala l-benniena tas-soċjetà u aktar ma jkollna familji tajbin u b’saħħithom, aktar ser ikollna soċjetà b’sisien tajba u sodi. “Għal kuntrarju, jekk il-familji tagħna mhumiex mibnija fuq sisien sodi, is-soċjetà tagħna tista’ tkun waħda dgħajfa bil-possibiltà li ma tkunx biżżejjed b’saħħitha biex tiflaħ għal maltemp u taqlib soċjali“.
L-iSpeaker ma staħax jagħmel referenza għad-diskors tal-Q.T. Papa Franġisku meta saħaq dwar l-obbligu li kull bniedem għandu li jieħu ħsieb il-ħolqien u biex il-ġid jinqasam maż-żgħar. L-iSpeaker qabel mal-Papa li meta nagħmlu dan, ikun qed nagħtu l-kontribut biex aħna llkoll ngħixu flimkien f’armonija u sliem.
Kull soċjeta’ għandha l-għonja u l-foqra tagħha, fakkar l-iSpeaker. Dawn ser iħallu effett fuq il-familja u fuq l-ambjent u d-dinja ta’ madwarna. Flimkien, mingħajr l-eskluzzjoni ta’ l-ebda klassi tinbena “id-dar komuni tagħna kollha”.
Imbagħad l-iSpeaker għadda biex jitkellem fuq il-ġustizzja soċjali. Hawnhekk l-iSpeaker semma lill-Ġiżwita, Luigi Taparelli d’Azeglio (1793-1862), meta tkellem dwar interdipendenza jiġifieri id-dover li kull wieħed minna għandna lejn xulxin. Forsi llum ftit jafu min kien Taparelli d’Azeglio. Flimkien mal-Ġiżwita Matteo Liberatore (1810-1892) u oħrajn, Taparelli d’Azeglio għenu lil Papa Iljun XIII (1810-1903) fil-kitba tal-Enċiklika storika Rerum Novarum, jew Affarijiet Ġodda. Din kienet enċiklika li għadha mportanti minħabba t-tagħlim importanti tagħha dwar il-ġid komuni, ir-rispett lejn il-persuna umana u l-iżvilupp u l-benessere soċjali.
L-iSpeaker tkellem ukoll dwar il-filosofu John Rawls (1921-2002). Rawls semma t-tlett elementi marbuta mat-tifsira ta’ ġustizzja soċjali. Dawn huma:
1. L-obbligu tal-Istat li jipprovdi b’mod ekwu għad-drittijiet kulturali, ekonomiċi u soċjali ta’ kull persuna;
2. Ir-rispett u l-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna umana; u
3. Ħidma mill-Istat biex jizgura opportunitajiet ugwali lil kulħadd jew ħidma kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.
Dan wassal biex l-iSpeaker irrefera għad-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, magħmula fl-10 ta’ Diċembru 1948, tlett snin biss minn tmiem it-Tieni Gwerra Mondjali. Din telenka d-drittijiet fundamentali tal-persuna umana.
Artiklu 1 jgħid dan li ġej: Il-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u wgwali fid-dinjità u drittijiet. Huma mgħonija bir-raġuni u kuxjenza, u għandhom iġibu ruħhom ma’ xulxin b’spirtu ta’ aħwa (fratellanza).
Artiklu 2 jgħid dan li Kull persuna tgawdi minn drittijiet u libertajiet stipulati minn din id-Dikjarazzjoni mingħajr distinzjoni……
Artiklu 3 jirrikonoxxi id-dritt għal ħajja lil kull persuna.
Artikli 4 u 5 iħarsu lil kull persuna kontra l-iskjavitu, tortura u trattament inuman.
Artiklu 7 jitkellem kontra kull għamla ta’ diskriminazzjoni.

Din id-Dikjarazzjoni titkellem u tagħti fost l-oħrajn il-protezzjoni kontra s-sekwestru, l-arrest u detenzjoni arbitrarju, id-dritt ta’ kull persuna li tirrikorri għal qrati tal-ġustizzja, id-dritt li persuna tiżżewweġ lil martu jew żewġha biex twaqqaf familja u l-obbligu tal-Istat li jipproteġġi u jħares lill-familja, l-omm u t-tfal tagħha, id-dritt għall-edukazzjoni, u l-kura medika, id-dritt tax-xogħol, id-dritt tal-assoċjazzjoni u espressjoni ħielsa u tant oħrajn.
Fuq kollox titkellem dwar il-bżonn li l-Istati tal-Ġnus Magħquda jippromwovu relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejniethom u jħarsu id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-dinjità tal-persuna umana, u d-drittijiet ugwali bejn l-irġiel u nisa, b’għarfien li dawn jippromwovu l-progress soċjali u titjieb fil-livell ta’ għajxien f’liberta’ akbar.
Fl-2006, il-Ġnus Magħquda ħareġ dokument bit-titlu ta’ Social Justice in an Open World: The Role of the United Nations, fejn qieset il-ġustizzja soċjali bħala prinċipju bażiku għal paċi u l-ko-eżistenza paċifika fost in-nazzjonijiet u l-popli.
L-iSpeaker kontra li llum il-kunċett ta’ ġustizzja soċjali ġie mfettaħ biex jinkludi riferenza għad-drittijiet tal-bniedem, dawk soċjalment marġinalizzati, dawk li qed ibatu diskriminazzjoni razzjali, inkluż diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, minoranza etnika, reliġjon, diżabilita u forom oħra. Magħhom daħħlet dawk il-vittmi ta’ vjolenza domestika, dawk foqra u oħrajn li qed ibatu minn abbużi ta’ sustanzi u droga u oħrajn fosthom ix-xjuħ u/jew dawk morda b’mard tal-moħħ jew b’mard ieħor u jispiċċaw emarġinati minħabba fih.
B’hekk huwa d-dmir tal-istat imma anki tas-soċjeta li tgħin liż-żgħir, l-imwarrab lill-magħtub biex iqum fuq saqajh u jimxi ‘l quddiem fis-sliem. B’hekk l-iSpeaker awgura aktar koperazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja u anki ma’ NGOs biex jiġu mgħejjuna dawk ħutna f’diffikultà.
Kien f’dan il-mument, li l-iSpeaker sellem lil l-Onor. Ivan Bartolo talli xi snin ilu kien ta kilwa minn tiegħu biex persuna oħra jkun jista’ jibqa’ jgħix. Dan hu eżempju ta’ imħabba lil proxxmu tiegħu, li wieħed jinsa’ lilu nnifsu għal ħaddieħor. L-iSpeaker għalaq billi sellem u rringrazzja lil tant reliġjużi u lajċi mpenjati f’ħidma missjunarja l-bogħod minn pajjiżhom u lil tant oħrajn, xi wħud minnhom qegħdin hawn illum, li jħabirku u jkunu ta’ sokkors għal ħuthom il-Maltin u oħrajn.