Il-gwerra fl-Ukraina: biex inkunu strument tal-paċi, iridu nieqfu ngħidu dak li jridna ngħidu ħaddieħor.

Minn Edwin Vassallo

Min jgħid li din il-gwerra fl-Ukraina hija kollha tort ta’ Putin u min jgħid li għandu raġun. Min jgħid li l-U.E. inħolqot biex fl-Ewropa jkollna l-paċi iżda llum qedha wara din il-gwerra. L-argument li qed jinġib huwa li dan hu l-prezz li rridu nħallsu għall-paċi. Sadanittant, l-Amerika toffri l-armi lill-Ukraina u fl-istess waqt qed tagħmel il-flus minn fuq din il-gwerra. Fir-realta’, il-popli Ewropej qed ikunu mġegħla jaċċettaw – u aħna magħhom – li rridu mmorru għall-gwerra biex ikollna l-paċi. Din hija kontradizzjoni kbira.

F’din il-ġimgħa, il-gwerra tal-Ukarina tagħlaq kważi sena u hemm min jgħid li din il-gwerra ser tieħu snin.
In-Nato tidher lesta għall-gwerra fit-tul iżda l-ebda gvern ma jrid jibgħat is-suldati tiegħu għal din il-gwerra, għaliex in-nies fl-Ewropa ma tantx huma kuntenti b’din il-gwerra. Il-familji Ewropej ma jridux jitilfu lill-uliedhom f’din il-ġlieda.

L-U.E. ħarġet bl-idea ta’ sanzjoniiet kontra r-Russia u jidher li l-prezz qares ta’ dawn is-sanzzjonjiet qed jitħallsu mill-popli tal-pajjiżi tal-Ewropa. Sadanittant, l-unika verita’ li jkollna naffaċċjaw wiċċna magħha hija li b’din il-gwerra, kulħadd ser jispiċċa jitlef.

Min jaf kemm hemm familji fl-Ukraina tilfu nieshom. Min jaf kemm ommijiet mietilhom xi tifel tagħhom! L-istess realta’ tista’ tingħad għar-Russja. Fil-każ tal-Ukraina, wieħed jista’ jżid tfal bla ġenituri. Dan hu l-prezz tal-mewt. Din hija realta’ li ftit qed nisimgħu diskorsi fuqha. La r-Russja u l-anqas l-Ukraina ma jridu jitkellmu fuq l-imwiet fost is-suldati tagħhom. Fil-verita’, is-sitwazzjoni hija xorta għal kulħadd: il-mewt hija l-prezz li qed iħallsu dawk involuti. U aħna magħhom.

U ftit li xejn aħna f’pajjiżna nemmnu li f’daqqa t’għajn nistgħu nkunu parti minn gwerra bla nafu. Mill-pajjizi kollha, jidher li ċ-Ċina għadha titħabat għal diskussjonijiet għall-paċi u l-waqfien tal-gwerra. In-Nato u l-U.E. jidhru għadhom jemmnu fil-gwerra. U aħna fejn sejrin? Għall-gwerra jew għall-paċi? Jidher ċar minn dak li qed jgħid il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti, li aħna qed nieħdu pożizzjoni pro-Biden.

Imma meta pajjiżna jkun fuq il-mejda tad-deċiżjoni, nistgħu nitkellmu dwar il-paċi minflok nibqgħu sejrin dritt għal ġol-ħajt? Nistgħu nibdew nemmnu li aħna poplu sovran? Nistgħu nibdew nemmnu li filwaqt li aħna membri tal-UE aħna mhux sudditti u għandna l-ideali tagħna? Nistgħu nibdew nemmnu li waqt li għandna t-tmexxija tas-siġġu tas-sigurta fil-Ġnus Magħquda, nistgħu nagħmlu kif qalilna l-Papa Franġisku u nippromovu l-paċi? Nistgħu ninsew għal minuta l-injoranza grassa li nibqgħu naduraw il-baqra li naħilbu minnha u ninsew li aħna Laburisti u Nazzjonalisti u ngħidu li f’din l-għażla aħna favur il-paċi għaliex bil-gwerra aħna kollha telliefa? Nistgħu bħala poplu Malti nibdew nemmnu għall-ewwel darba fil-paċi bħala arma internazzjonali? Nistgħu nibdew naħsbu li l-paċi tiġi l-ewwel u qabel kollox? Jew ser nibqgħu tfal żgħar u nibqgħu ngħidu dak li jridu jgħidulna ngħidu ħaddieħor?

Dak li għandna bżonn, kif qal tant tajjeb il-Papa Franġisku, paċi u mhux gwerra fl-Ewropa.

One thought on “Il-gwerra fl-Ukraina: biex inkunu strument tal-paċi, iridu nieqfu ngħidu dak li jridna ngħidu ħaddieħor.

  1. This war is between Biden and Putin.Eu should have stayed out of it.Minester don’t tell Russia what to do.Mintoff & Borg Oliver left us independent and out of Nato.We need only peace.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *