L-isptar ta’ Barts f’Għawdex li għadu qatt ma nbena
Minn osservatur politiku.
Joseph Borg tal-Gozo Business Chamber, ftit tal-ġranet ilu, meta kien qad jindirizza l-laqgħa annwali ta’ l-istess Chamber, wera l-frustrazzjoni tiegħu għall-fatt li l-isptar f’Għawdex ma nbeniex. Skond Borg dan in-nuqqas jista’ jirrifletti fin-negattiv fuq l-iskola medika ta’ Barts. Sarkastikament huwa qal li jekk sar xi ħaġa f’dan ir-rigward huwa ma jafx biha. Bħala parti mill-konċessjoni mifthema bejn il-Gvern u Steward Healthcare, din il-kumpanija privata kienet obligata li tibni sptar ġdid f’Għawdex. Imma għalkemm ix-xogħol fuq l-iskola medika ta’ Barts spiċċa, fuq l-isptar ma sar assolutament xejn. Borg emfasizza li minħabba l-fatt li l-isptar ma nbeniex dan jista’ jimpatta fuq is-suċċess tal-iskola medika ta’ Barts.
Fid-diskors tiegħu huwa kompla li l-isptar mhux bżonnjuż biss mill-iskola medika imma huwa neċessarju għall-komunita’ kollha Għawdxija. Barra minn hekk dan l-isptar huwa bżonnjuż ukoll għall-Maltin u turisti li jżuru Għawdex. Borg kompla li mhux beħsiebu joqgħod jeqred imma jħoss li l-Għawdxin bi dritt għandhom ikollhom dan is-servizz fuq il-gżira Għawdxija. Joseph Borg kompla jistqarr li l-Gvern warrab flejjes biex ir-records mediċi tal-isptar Mater Dei jiġu diġitalizzati. Dan tajjeb ħafna.
Imma huwa staqsa jekk hemmx ammont ta’ flus biex dan l-istess eżerċizzju jsir f’Għawdex ukoll. Huwa qal li l-isptar ta’ Għawdex issa huwa privatizzat. Huwa staqsa lill-awtoritajiet kompetenti biex jara jekk hux ser isir Għawdex ukoll dan id-diġitalizzazjoni, minħabba l-fatt li l-isptar huwa issa tal-privat. Sfortunatament Borg qal li ma rċieva ebda risposta minn għand l-awtoritajiet konċernati.
Ta’ min isemmi li l-futur tal-isptar ta’ Għawdex flimkien maż-żewġ sptarjiet l-oħra, ser jiddependi minn dak li ser jirriżulta nhar il-Ġimgħa fil-qorti Maltija. Dan għaliex nhar il-Ġimgħa tingħata s-sentenza għal kawża li kien fetaħ Adrian Delia ħames snin ilu. Jekk il-kawża tintrebaħ allura jkun ifisser li dawn it-tlett sptarijiet jirritornaw f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi biex forsi dak li ma sarx sa issa jibda’ jsir fil-futur qarib mill-Gvern.
