L-editur ta’ The Sunday Times irid politika ta’ “Beyond Repair” għall-Partit Nazzjonalista
Minn Edwin Vassallo
Nixtieq infakkar il-ġurnalisti Woke ta’ The Times li n-nies jamalgaw ma’ partit jekk jarawh iżomm sod fuq il-prinċipji tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista jrid iżomm sod in-narrattiva konservattiva tiegħu. Ma għandux minn xix jistħi. Anki jekk għall-editur ta’ The Sunday Times, li tkun Konservattiv illum ifisser li tkun tal-Extreme Right, din it-tabella ma hija ser twerwer lil ħadd. Għalhekk nemmen li s-suġġett tal-abort huwa wieħed mis-suġġetti li l-PN għandu jżomm sod fuqu anki jekk ta’ Times iridu l-abort b’saħħa kbira ġewwa pajjiżna. Għalhekk nemmen fil-bniedem. Dan huwa suġġett li jressaq votanti minn xaqlibiet differenti biex jamalgamaw mal-Partit Nazzjonalista.
Il-PN irid jiftakar li llum il-futur tad-dinja – jew aħjar il-futur tad-dinja tal-Punent – huwa wieħed fi ħdan l-ispera Konservattiva. Dan imur kontra dak li kiteb l-editur ta’ The Sunday Times il-Ħadd li għadda. Il-Ħadd li għadda, l-editur ta’ The Sunday Times tana editorjal biex jgħid lill-PN biex isir partit liberali. Aħna konna b’saħħitna meta żammejna mal-prinċipji konservattivi. Iddgħajjifna meta ppruvajna nogħġbu lil ta’ The Times. Illum fl-Ewropa u fl-Amerika ġa beda moviment biex imexxi l-abort lura u jfittex li jagħmel il-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Miegħu qed jiġu lura ħafna prinċipji konservattivi. Illum fl-Ewropa beda moviment li qed isaħħaħ il-leħen konservattiv. Dawk il-partiti fl-Ewropa li huma kontra l-abort u favur il-bniedem mistennija jmorru tajjeb fl-elezzjonijiet li ġejjin Ewropej.
Mela dak li jrid l-editur ta’ The Sunday Times huwa li jqabbad lill-PN fit-triq tal-politika “beyond repair“. Bħalissa l-politika Maltija bil-Labour b’kollox qabdet it-triq ta’ “beyond repair”. Il-Labour dak li jżommu għaddej huwa l-customer care b’saħħtu li għandu. Imma xorta qed jitlef il-ġenwinita’ tiegħu. Fil-Labour hemm ħafna li qed jitilqu l-partit għaliex ma għadhomx jagħrfuh bħala tagħhom. Dan huwa r-riżultat tal-politika liberali. Din hija politika li tuża lin-nies u tarmihom.
Jien ngħid għalija ghalhekk ma nemminx fil-liberaliżmu għaliex jekk tkun temmen fil-bniedem ma tistax tkun temmen fil-liberaliżmu. Għalhekk ma nemminx fl-abort. Issa f’idejn dawk li jgħidu li huma Nazzjonalisti biex jieħdu d deċiżjonijiet rigward il-ġejjieni mhux tal-partit iżda tal-pajjiż u tal-poplu kollu. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ Partit Nazzjonalista daqskemm jibqa’ l-partit tal-valuri umani. Mingħajr dawn il-valuri, il-partit jista’ jibqa’ bl-istess isem, iżda ma jibqax l-istess Partit Nazzjonalista li nafuh illum.
