Dawk li tajjru lil Adrian Delia minn kap qed iżommu lil xi kunsilliera milli jiġbru firem biex jissejjaħ kunsill ġenerali ħalli jiddeċiedi dwar it-tmexxija fil-Partit Nazzjonalista

Meta taqra ftit l-analiżi li jkun sar fuq l-istħarriġ, wieħed irid bil-fors jikkummenta li s-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista hija ħafna agħar minn meta Dr Adrian Delia kien il-Kap tal-Partit. Apparti hekk wieħed irid jiftakar li Delia kellu rewwixta interna kontra tiegħu. Bħalissa ma hemm ebda rewwixta fil-miftuħ kontra Bernard Grech. Allura l-loġika tgħidlek li suppost Dr Grech qiegħed f’sitwazzjoni aħjar. Imma fl-aħħar stħarriġ rajna li Bernard Grech mhux biss qiegħed ħażin imma kull darba qed jeħżien fil-fiduċja tiegħu man-nies

Sfortunatament qed naraw lil Dr Grech iwaħħal fin-nuqqas ta’ għaqda li teżisti fil-partit. Mela Adrian Delia x’suppost kien jgħid meta kellu daqstant membri tal-grupp parlamentari sfaċċatament kontra tiegħu? Grech qed iwaħħal ukoll fl-orkestrazzjoni tal-medja li qed jiktbu kontrih. Infakkar li fi żmien Adrian Delia, il-media kienet ukoll kontrieh u qatt ma waħħal fiha. Dan hu riżultat tas-sitwazzjoni disastruża li r-ribelli ġabu lill-Partit Nazzjonalista fiha. X’suppost jintqal issa li dik l-istess sitwazzjoni tant marret għall-agħar?

Hija xi ħaġa tal-iskantament kif dawk li għamlu rewwixta fi żmien Delia, issa qegħdin kwieti b’ħalqhom magħluq. Anzi għal kuntrarju qed jagħmlu ħilithom kollha biex iżommu lil xi kunsilliera u tesserati milli jiġbru xi firem biex iċaqalqu l-affarijiet. Dawn l-istess nies qed jerġgħu jimmanipulaw it-tmexxija tal-partit. Issa donnhom iridu li jħallu kollox fl-istatus quo sa x’ħin titfaċċa Roberta Metsola u mingħalihom issalva lill-Partit Nazzjonalista minn din id-dilemma li qiegħed fiha.

Bis-sitwazzjoni kif inhi, mhux ser tkun faċli għal Bernard Grech biex jaqleb il-miżien. Issa ma jistax jibqa’ jwaħħal f’dik u fl-oħra biex jipprova jiskolpa lilu nnifsu. Bernard Grech laħaq bl-għajta li jirranġa d-diviżjoni li kienet teżisti fil-partit. Hu kien qal li ser jaħdem biex jerġa’ jġib il-għaqda biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir wieħed glorjuż. Minn dan kollu ma sar xejn. Anzi għal-kuntrarju s-sitwazzjoni marret għall-agħar u din id-darba ma jistax jgħid li hemm Adrian Delia fit-tmexxija bħal ma kien qal fil-kampanja elettorali li kien għamel biex isir kap. L-anqas jista’ jgħid li Adrian Delia qed jaħdem kontra tiegħu.

Infakkar li matul il-kampanja biex jilħaq kap, Bernard Grech kien jgħid li bis-sitwazzjoni li kien fiha il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Delia ma jista’ jieħu r-ruħ qatt. Allura kien argumenta li hemm bżonn ta’ bidla fit-tmexxija. Issa bl-istess loġika, Bernard Grech lest jammetti li hemm bżonn ta’ bidla malajr fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista?

It-tweġiba ta’ din il-mistoqsija hija fil-pożittiv. Jekk il-Partit verament irid jinġabar xi ftit għall-elezzjoni tal-parlament Ewropew hemm bżonn urġenti ta’ wiċċ ġdid fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Il-problema tibqa’ min?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *