Carm Mifsud Bonnici jgħid li l-PN irid jieqaf jinjora l-istatistika

Carm Mifsud Bonnici jagħtina artiklu interessanti “Nibnu lura l-ħitan” fil-Mument. Huwa jibda billi jgħidilna li l-verita’ ma tistax taħrab minnha. Ikun inutli li tipprova taħrab mill-verita’ għax illum jew għada ser tilħaq miegħek. L-istess verita’ tista taġixxi fuqha imma tista’ ukoll tħalliha tgħaddi. Imma l-aħjar soluzzjoni għal kulħadd hija li żżomm dejjem magħha biex ma tinkwitak qatt. Min jgħid il-verita’ jista’ jserraħ rasu li ma hu ser jinqabad qatt.

Dr Mifsud Bonnici jiskanta kif il-Partit Nazzjonalista dam ma rrikonoxxa li l-istatistika fiha l-vantaġġi tagħha. Huwa jisħaq li l-Partit għamel żball li injora l-istatistika għal tul ta’ żmien u dam ma ħares lejn din ix-xjenza importanti. Membri fil-Partit qed jinjoraw dak li qed juri l-istħarriġ li joħroġ minn żmien għal żmien. Dawk huma opinjonijiet tan-nies li wieħed għandu jagħti kashom. L-istatistika li ħierġa qed tagħti stampa ċara ta’ x’inhi r-realta. Ma jistax ikun li l-maġġoranza tad-deputati (per eżempju) jibqgħu jinjoraw dak li qed jindika l-istħarriġ li l-Partit Nazzjonalista qatt ma kien f’pożizzjoni daqstant ħażina fin-numri.

L-artikolista jittama li l-Partit Nazzjonalista jintrabat mad-djalogu u d-dibattitu u ma jibqax jgħajjar għal kull ħaġa ta’ xejn lill-avversarji politiċi tiegħu. Ma jistax ikun li l-Partit jibqa’ jħaddan l-attitudni ta’ ‘aħna u intom’ li tant qed tagħmillu ħsara. U għalhekk li l-piki li qed jinħolqu ma huma qed jagħmlu ġid lil ħadd. Ikun inutli li wieħed jattakka lill-avversarju, għas-sempliċi raġuni li wieħed jattakka. Dr Mifsud Bonnici qed jenfasizza li xogħol il-politiku demokristjan huwa li jinfluwenza lill-poplu kollu fit-tajjeb u jkun ir-rappreżentant tal-poplu f’kull ċirkostanza.

Kull politiku irid jittama fil-futur biex jagħmel it-tibdil u d-differenza meħtieġa. In-numri li qed joħorġu qed juru realta’ li ma tantx qed tkun favur il-Partit Nazzjonalista. Dawn in-numri għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-Partit u għandhom jiftħu għajnejn it-tmexxija li hemm passi li jridu jittieħdu. Din l-istatistika turik li hemm realta’ u wieħed għandu jimxi magħha. Li taħrab minn din is-sitwazzjoni ma hi tagħmel ġid lil ħadd. Hemm bżonn li jittieħdu l-passi neċessarji u kulħadd għandu jħares lejn din l-istatistika b’ottika ta’ benefiċċju.

L-artikolista jkompli jgħid li madwar pajjiżna hemm diffikultajiet kbar. Is-sitwazzjoni fuq ħafna pajjiżi ser ikollha l-effett tagħha. Irridu noqgħodu attenti li ma nieħdux l-attitudni ta’ konfrontazzjoni ħalli nevitaw kemm nistgħu mill-impatti negattivi li dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jħallu fuqna. Fuq kollox irridu nagħtu każ b’serjeta tal-pożizzjoni ta’ pajjiżna, allura inħarsu lejn is-sitwazzjoni interna. F’pajjiżna deħlin ħafna barranin bil-barka tal-Partit fil-Gvern u dawn mhumiex biss anġli imma qed jippenetraw f’pajjiżna nies li huma ta’ karattru oskur. Dan qed jrrifletti n-nuqqas ta’ serjeta’ li qed jiddedika l-Gvern lil din is-sitwazzjoni. Hemm bżonn li din l-istatistika intuha l-importanza tagħha u fuq kollox nagħtu din id-dilemma l-importanza u l-priorita li jixirqilha.

Dr Mifsud Bonnici jagħlaq l-artiklu tiegħu billi jirrakomanda li pajjiżna għandu bżonn jagħti aktar importanza lill-ġustizzja u l-ordni pubblika. Dan qed jgħidu għax jaf li l-istatistika qed twassal leħen il-poplu li qed ikun inkwitat ħafna fuq dak li qed jiġri. Is-sigurta saret priorita kbira. Jekk jonqos il-Gvern irid ikun il-Partit Nazzjonalista li jieħu r-rigni lura f’idejh ħalli jkun kapaċi jibni lura l-ħitan tad-difiża u l-protezzjoni tas-soċjeta’.

One thought on “Carm Mifsud Bonnici jgħid li l-PN irid jieqaf jinjora l-istatistika

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *