Wara li l-kap tal-PN ħalla lil Adrian Delia waħdu fil-kawża tal-isptarijiet, issa qed jibda’ jitkellem dwarha
Minn osservatur politiku
Nhar is-Sibt li għadda Bernard Grech kien intervistat fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista. NET News irraporta hekk fuq il-medja tiegħu: “Se nkomplu naħdmu sabiex l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu.” Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu fuq Net FM, fejn fost l-oħrajn tkellem fuq il-kawża li kien fetaħ id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dwar l-iskandlu tal-Vitals, fejn nhar il-Ġimgħa li ġej ser tkun qiegħda tingħata s-sentenza. Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem qatiegħ sabiex t-tliet sptarijiet li l-Gvern tal-Labour kien ta lill-kumpanija barranija u għadu sal-lum jimpalalha il-miljuni … jingħataw lura lill-poplu”.
Irid ikun bniedem ma jafx jistħi biex jitkellem hekk fuq il-kawża li fetaħ Adrian Delia WAĦDU. Fejn kien Bernard Grech f’dawn it-tliet snin li ilu Kap? Tħajjar jidħol parti minn dik il-kawża li fetaħ ħames snin ilu Dr Adrian Delia? Possibbli issa ser jitħajjar jitkellem fuq il-medja għax jaf li tista’ tinqata’ favur il-poplu? Issa qed jitħajjar jirkeb fuq dahar Adrian Delia biex mingħalih jieħu l-glorja?
Dr Bernard Grech ma kellux għalfejn jitkellem fil-plural u jgħid li “se nkomplu naħdmu”. X’għamel Dr Bernard Grech f’din il-kawża? Trid tkun arroganti biex tgħid li hu ser ikompli jaħdem biex jara li l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu. Niftakruh jgħid fil-bidu li sar Kap li kien ser imur il-qorti biex ikun ta’ spalla għal Dr Adrian Delia imma qatt ma resaq ‘l hemm.
Jgħid x’jgħid Bernard Grech mhux ser ikun emmnut imma xorta tinstema’ kerha meta jitkellem fil-plural fuq din il-kawża meta jaf li la hu u lanqas ħadd mid-deputati ta’ madwaru ma resqu biex jagħtu daqqa t’id lil Adrian Delia. Delia għax raġel ma jsemmix li hu daħal għal din il-kawża waħdu imma bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista li jagħmel parti minnu. Imma l-bqija ħadd ma għandu dritt jipprova jirkeb jew jieħu xi glorja fuq ġlieda li Dr Delia tħalla jagħmilha waħdu.
Aħna nawguraw lil Dr Delia li jerbaħ din il-kawża biex verament it-tliet sptarijiet jerġgħu jgħaddu f’idejn il-Maltin u l-Għawdxin għax b’hekk biss nistgħu naraw xi żvilupp tanġibli lejn il-poplu kollu ta’ dawn il-gżejjer.
