L-Elitiżmu ġdid fil-PN; l-attakk ta’ Bernard Grech kontra sħabu n-Nazzjonalisti li ma telgħux fil-parlament wara li ħadem kontra tagħhom biex ma jitilgħux.
Il-Partit Nazzjonalista jew aħjar il-kap tal-Partit jitkellem kontra l-elitiżmu l-ġdid li qed ikisser lill-PN, jiġifieri dak li l-PN iħares ‘l isfel lejn in-nies. Kull ma għandek tisma’ hu d-diskors stess ta’ Bernard Grech. Hu tkellem kontra dawk li jikkritikaw u qal li dawn huma l-inqas li jaħdmu. Imbagħad lejn it-tmiem tad-diskors tiegħu tal-Ħadd li għadda, Bernard Grech tkellem fuq min ma telax fl-elezzjoni. Qal li dawn waħħlu fil-Partit Nazzjonalista. Jiġifieri, hawn Bernard Grech kien qed jirreferri għall-persuni bħal Jason Azzopardi jew Edwin Vassallo? Jiġifieri dan kien messaġġ pulit lil Edwin Vassallo biex jieqaf jikteb kif qed jikteb? Għall-inqas, sa fejn naf jien, Edwin Vassallo qatt ma waħħal fil-PN fil-kitba tiegħu għaliex ma telax. L-istorja ta’ Jason Azzopardi hija differenti.
Imma nixtieq infakkar lil Bernard Grech x’kien ir-raġunar qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022? L-akbar gwaj fil-Partit Nazzjonalista kien għamlu Claudio Grech meta ħareġ bit-teżi tal-ethnic cleansing meta qal li biex il-PN jirbaħ jrid jneħħi dawk li kienu diġa’ fil-politika. Il-qodma kien sejħilhom. Dan kien wassal biex kien hemm numru ta’ qodma li ma ħarġux għall-elezzjoni bħal ma għamel Clyde Puli u Mario Galea. Ara kif tista’ terbaħ bi strateġija bħal din! Meta il-Partit Nazzjonalista qiegħed tant minn taħt, il-kap tal-partit irid jibża għal kull min għandu! Dak li jinkwetani li llum il-PN qiegħed aktar minn taħt u donnu irid jibqa’ għaddej b’din l-istrateġija. Għala qed ngħid dan?
Qed ngħidu għaliex bil-mod kif tkellem Bernard Grech juri li mhux qed ikun onest ma’ dawk li ma telgħux. Hu qal li titla’ jew ma titlax huwa bil-ħila tiegħek. Imma nesa’ dan kemm il-magna tal-partit ħadmet kontra ċertu kandidati u mbuttat oħrajn? Mela Bernard Grech qed jaħseb li n-nies ċwieċ? Dan hu diskors li sar wara li Mary Anne Lauri attakkat lil dawk li sejħet armchair critics. Dak li wera dan il-Kunsill Ġenerali kien li hemm xi ħaġa ħażina f’dan il-partit. Dawn id-diskorsi jispjegaw għala wara għaxar snin fl-oppożizzjoni, dan il-partit għadu l-bogħod biex imur fil-gvern. Diskorsi bħal dawn jagħmluhom min jemmen li hu daqshekk tajjeb u jaf kollox. Biex tgħid lil ħaddieħor jagħlaq ħalqu meta l-PN kien il-partit li tant ħadem għall-pluraliżmu fix-xandir, allura xi ħaġa ħażina hemm illum f’dan il-partit. Dan il-partit illum hu mmexxi min nies li l-anqas jafu l-alfabet tad-demokrazija. Jgħidu x’jgħidu l-ħafna keyboard warriors li jikkummentaw fuq is-site tiegħi kontra l-PN, il-PN kien il-partit li saħħaħ id-demokrazija. Illum dan huwa l-partit li bil-mod kif qiegħed jitkellem juri li “we look down on people”. Hawn ta’ min jistaqsi lil Bernard Grech. Forsi m’intx int stess li qed tagħmel hekk?
Iva, dan huwa l-elitiżmu il-ġdid li marrad lill-PN. Joseph Muscat kien jaf li ser jirbaħ u ġabar lil kulħadd flimkien. Infakkar li l-PN ħaseb li billi jagħmel il-qtil ta’ Daphne Caruan Galizia l-kawża tiegħu ser jerbaħ. Anki jekk ipprova juri li l-Lejber għandu warajh qtil maħsub biex iġib is-silenzju politiku, xorta ma rnexxilux jitla’. Anzi tilef aktar minn qatt qabel. Dan seħħ mhux għaliex in-nies ma jimpurtahomx minn Daphne Caruana Galizia. Le. Dan seħħ għaliex wara r-retorika ta’ dan il-qtil hemm ħafna ipokrezija, gideb u elitiżmu. B’hekk dan il-qtil qatt ma sar il-qtil tal-poplu Malti kollu. Imma dan sar qtil biex erba’ sangisugi jagħmlu balla flus!