Waqt li hemm qbil li Bernard Grech għandu jitlaq, ma hemmx konsensus la min għandu jsir minfloku u l-anqas meta għandu jitlaq.
Minn osservatur politiku
Kemm ilna nisimgħu diskors u naqraw kitbiet li hemm bżonn urġenti li jitwarrab Bernard Grech mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Il-biċċa l-kbira tal-kitba fuq il-medja soċjali li jitkellmu fuq il-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista qed jirriflettu li dment li jibqa’ Bernard Grech il-fiduċja fil-Partit ser tkun diffiċli li tissaħħaħ.
Imma l-mistoqsija prinċipali fuq dan kollu hija, min ser jilħaq minn floku? Donnu hemm ħafna diskors, imma meta niġu għas-sustanza ħadd ma jinnomina lil ħadd. Jekk ma jkunx hemm xi ħadd li lest li jidħol għal dak il-piż inutli noqogħdu ngergru li spiċċat il-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista.
Dan l-aħħar donna reġgħet qed tissaħħaħ l-idea li nistennew lil Roberta Metsola. Imma dan ma jistax ikun attwat, jekk ir-reżenja ta’ Grech isseħħ qabel l-2024. U fil-frattemp x’ser jiġri? Jekk hemm dan in-nuqqas ta’ fiduċja fil-kap preżenti x’ser isir sa meta Metsola tieħu d-deċiżjonijiet tagħha? U jekk din tibqa’ ma teħodhiex? Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jegħreq?
Waqt il-Kunsill Ġenerali ta’ nhar il-Ħadd anke Bernard Grech ammetta li l-istħarriġ divers li qed isir qed juri riżultati ħżiena għall-Partit Nazzjonalista. Huwa pprova jiddevja minn dan billi qal lis-sostenituri tiegħu biex ma joqogħdux jistennew minn xahar għal xahar kull stħarriġ, imma jħarsu aktar fil-futur imbiegħed. Donnu biex jipprova jagħmel ftit kuraġġ qed isostni biex ma jagħtux importanza lill-istħarriġ. Donnu nesa li stħarriġ li kien sar qabel l-elezzjoni ġenerali kien preċiż mar-riżultat stess tal-elezzjoni. Kif jista’ jikkonvinċi li ma tagħtix każ tal-istħarriġ meta dan kien dejjem indikazzjoni tajba?
Allura x’ser jiġri f’din is-sena u ftit li fadal għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew? Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jitlef il-voti? Il-fiduċja fil-partit ser tibqa’ tmajna? Dik hi s-sitwazzjoni u l-idea ta’ dawk il-ħafna pampaluni li kienu qajmu rewwixta minħabba riżultati ta’ stħarriġ li saru ftit tax-xhur ilu? X’sar minnhom dawn it-talinn? Mhux qed jindunaw li l-Partit Nazzjonalista qed jegħreq? Meta ser jitkellmu? Meta ser iqumu minn dik ir-raqda li reqdien?
Donnu li l-Partit Nazzjonalista wasal fi stat ta’ telqa tant kbira li ser jibqa’ kollox kif inhu sa xħin tiddeċiedi li tiġi f’pajjiżna Metsola, allavolja din għada qatt ma qalet li ser tieħu dan il-pass. Hija x-xewqa ta’ ħafna imma Metsola għadha qatt ma żbilanċjat ruħha. Possibbli mhux qed isir ebda attentat biex jippruvaw isibu xi soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni xejn feliċi? Forsi tibża’ li jekk ikollha l-kompetizzjoni mhux bilfors tista’ tagħmilha għal-leadership tal-PN?
Issa Bernard Grech ilu hemm kważi sentejn u nofs. Kieku l-partitarji u sostenituri oħrajn riedu jaqblu miegħu kieku n-numri mhux qed jagħtu riżultati ħżiena ħafna. Allura ma jidherx li hemm ebda triq oħra għal min irid ikun onest miegħu nnifsu, li xi ħadd irid jinstab biex jipprova joħroġ lil dan il-partit minn dan id-diżastru li qiegħed fih.