Where your opinion counts

Il-Problema tal-Oppożizzjoni hija l-attitudni kif tħares lejn in-nies: il-Kunsill Ġenerali ma fejjaqx din l-attitudni. Anzi kabbarha

L-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday wera li l-Gvern tal-ġurnata għandu l-mumenti tajbin u dawk ħżiena. Dan kulħadd jirrejalizzah imma mat-tul taż-żmien il-partit fil-gvern ikollu ħafna aktar x’jitlef milli x’jerbaħ. Din hija l-loġika fil-politika li kull partit fil-gvern suppost jitlef mill-popolarita tiegħu.

Imma meta tħares lejn l-oppożizzjoni, din suppost qed tagħmel gwadann ma’ kull stħarriġ li jsir. Imma l-Partit Nazzjonalista dan mhux qed jagħmlu. Għall-kuntrarju, l-aħħar stħarriġ reġa’ wera li l-Partit fl-oppożizzjoni għal darba oħra reġa’ tilef mill-voti tiegħu. Din ma hiex il-loġika u għalhekk biss il-Partit Nazzjonalista għandu għal xix iħabbel moħħu.

Ħadd ma jista’ jgħid li l-mod kif qed imexxi Robert Abela huwa tant tajjeb li mhux ser jagħmel telf. Għal kuntrarju hemm diversi aspetti fejn il-Prim Ministru qed juri n-nuqqasijet tiegħu u tal-Gvern. Imma minkejja dan kollu l-partit fl-oppożizzjoni ma hu qed jagħmel ebda gwadann.

Wieħed irid jammetti li l-Partit Nazzjonalista ma hu qed jispira ebda fiduċja fl-elettorat. Ma qed jagħti ebda indikazzjoni li jekk jieħu l-Gvern, il-poplu ser ikun f’sitwazzjoni aħjar. Ma hu qed joffri xejn tanġibbli li bih jista’ juri ħakma fuq il-politika nazzjonali. Fil-Partit Nazzjonalista hemm problema kbira ta’ attitudni kif iħares lejn il-politika u allura qed tirrifletti fuq l-andament tiegħu mal-poplu.

Dan il-Partit fl-Oppożizzjoni donnu baqa’ mwaħħal ma’ politika li kienet taħkem lill-partit meta kien għadu fil-Gvern. Forsi kellu raġun Lawrence Gonzi meta ftit ilu qal li l-Partit Nazzjonalista tal-lum għadu ma fehemx li qiegħed fl-oppożizzjoni. U mid-dehra mhux talli għadu ma tgħallem xejn imma bl-attitudni tiegħu donnu ma jridx jitgħallem jew jirrejalizza li qiegħed fl-oppożizzjoni u li ilu hemm għaxar snin sħaħ.

Il-Partit Nazzjonalista jidher li hu ffokat biss biex isalva dik il-politika li kien iħaddan snin ilu u mhux beħsiebu ibiddel l-istil ta’ kif kien imexxi l-pajjiż meta kien fil-Gvern. Għadu lanqas biss irrejalizza li l-elettorat ċaħdu tlett darbiet f’elezzjonijiet ġenerali. Donnu l-anqas għandu l-enerġija li jaħseb u jiddiskuti strateġija ġdida li biha jista’ jiġbed lejh il-voti.

Jekk ser jibqa’ sejjer hekk, il-Partit Nazzjonalista m’hu ser jasal qatt jidher quddiem l-elettorat b’xi strateġija moderna li jkun jista’ jiġi fdat. Ma jistax ikun li l-Partit jibqa’ għaddej b’dawn il-ħafna teatrini li ma jwassluh imkien. Hemm bżonn ta’ politika msawwra fuq ħsieb komuni li juri li dawk kollha nvoluti qed jiġbdu l-ħabel lejn l-istess direzzjoni, xi ħaġa li bħalissa żgur li mhiex qiegħda hemm. Għal kuntrarju ta’ dak li qed jippruvaw jesponu ċertu membri fit-tmexxija, l-Partit Nazzjonalista huwa fragmentat u jonqsu ħafna xogħol jekk verament irid juri stampa ta’ għaqda.

Għalhekk minħabba din l-arroganza, kull messaġġ ta’ tama ser jaqa’ fuq widnejn ta’ elettorat li ser jibqa’ trux għalih.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *